Lokali
Għaqdiet volontarji se jgawdu minn pannelli tax-xemx


22 għaqda volontarja se jgawdu minn kontijiet orħos tal-elettriku wara l-istallazzjoni ta’ pannelli tax-xemx fuq il-proprjetà tagħhom. L-ispejjeż għall-pannelli se jagħmel tajjeb għalihom il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Enerġija li se joħroġ €94,000 għal dan il-għan.

Il-Gvern se jħallas għall-installazzjoni ta’ 12 jew 24 pannella tax-xemx fuq binjiet ta’ għaqdiet volontarji reġistrati. Il-Ministeru għall-Enerġija se jagħmel tajjeb għall-installazzjoni ta’ total ta’ kważi 450 pannella li għalihom se joħroġ €94,000. Minn din l-iskema se jibbenefikaw 22 għaqda volontarja.

Is-Segretarju tas-Soċjetà Mużikali tal-Karmnu Balluta, Clayton Mula qal: “Din l-iskema se tkun qed tgħinna anke biex niffrankaw mill-kontijiet tal-enerġija u ovjament aħna nkunu qegħdin ukoll ngħinu lill-ambjent. Apparti minn hekk, dawn il-finanzi li ovjament jibqgħu f’idejna nkunu qegħdin nużawhom biex inkabbru l-iskola tal-mużika tas-Soċjetà.”

Il-President tal-Mellieħa Sports Club, Alfred Vella Borg qal: “Ma stajniex aħna bħala klabb sportiv ma napplikawx minħabba li waħda mill-ikbar spejjeż li għandna bħala klabb tal-futbol hi l-flood lights. Hi spiża kbira għall-klabb. Naturalment ikun hemm spejjeż oħrajn imma dik kienet waħda mill-affarijiet kruċjali li ġegħlitna napplikaw u żgur naħseb tista’ tkun ta’ benefiċċju kbir matul is-snin għall-għanijiet tal-klabb tagħna.”

Fl-għoti tal-kuntratti lill-għaqdiet volontarji l-Ministru għall-Enerġija, Miriam Dalli qalet li permezz ta’ din l-iskema l-għaqdiet se jgawdu minn kontijiet orħos filwaqt li se jgħinu biex il-pajjiż ikollu enerġija iktar nadifa.

“S’issa diġà kellna żewġ sejħiet li għalihom ikkonkorrew ħafna għaqdiet volontarji u investejna mal-kwart ta’ miljun ewro biex ikollna iktar għaqdiet volontarji li jinvestu fil-pannelli tax-xemx. Tant hemm interess li qed naraw ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin inħabbru t-tielet sejħa.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Għaqdiet Volontarji, Clifton Grima qal li dawn l-iskemi juru li l-Gvern hu ta’ spalla għall-għaqdiet volontarji. Dr Grima qal li dawn l-inizjattivi jħallu impatt pożittiv fuq l-ambjent filwaqt li jgħinu ‘l-għaqdiet volontarji jibqgħu għaddejjin b’ħidmiethom b’risq il-komunità.