Kultura
Għar Dalam jiftaħ mill-ġdid wara xogħlijiet estensivi – se jsir parti minn park nazzjonali

Jiftaħ mill-ġdid is-sit preistoriku ta’ Għar Dalam wara xogħlijiet estensivi li saru fl-aħħar seba’ xhur, b’investiment ta’ kwart ta’ miljun ewro minn fondi ta’ Heritage Malta.

Ix-xogħlijiet li saru huma parti minn proġett akbar li se jara lis-sit isir parti minn park nazzjonali li jkun jinkludi erba’ widien u jwassal sa tarf Ħal Safi.

Fi kliem id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, l-aġenzija ma tkun qed tagħti l-ebda futur lill-passat jekk tħalli s-siti storiċi kif sabithom. Fl-inawgurazzjoni ta’ xogħlijiet estensivi li saru minn Marzu ‘l hawn fis-sit preistoriku ta’ Għar Dalam, is-Sur Cutajar saħaq li l-iskop ta’ Heritage Malta hu li tbiddel il-mod kif tippreżenta l-wirt nazzjonali.

“Ma nibqgħux nitkellmu fuq mużewijiet, li huma tempji tal-arti, li huma tempji tal-qedem, li huma tempji tal-antikita, imma nitkellmu fuq hubs, fuq ċentri fejn ikun hemm l-għarfien tal-wirt nazzjonali, fejn ikun hemm it-tagħlim, ir-rikonoxximent. Dan kollu għandna nħossuh, f’Heritage Malta u dak kollu għandna nitrasmettuh għax dak hu l-aċċessibilità.”

F’Għar Dalam sar tisbiħ u titjib taż-żewġ swali ewlenin tal-mużew fuq stil li fl-istess ħin jirrifletti l-mużew l-antik, oġġetti esebiti għall-ewwel darba u intrata aktar dinjituża. Tjieb is-servizz ta’ interpretazzjoni kemm għall-adulti kif ukoll għat-tfal biex jispjegaw il-ġrajja ta’ dan is-sit u għall-ewwel darba l-viżitaturi se jkollhom servizz ta’ audio-guide għal waqt li jduru l-post.

Interventi oħra saru fl-għar innifsu fejn inbidlet is-sistema tad-dawl, tneħħija ta’ veġitazzjoni aljena u minflokha tħawwlu pjanti indiġeni u l-ħolqien ta’ Ġnien Dinja Waħda fejn l-għalliema jistgħu jieħdu l-istudenti għal lezzjoniiet interattivi f’kuntatt man-natura.

L-attrazzjonijiet hawnhekk ma jieqfux biss mal-għar u l-mużew. Heritage Malta qed taħdem biex ‘il quddiem tippreżenta s-sit bħala parti minn park nazzjonali. Dan se jkun jinkludi mhux biss kif ġie ffurmat l-għar imma wkoll kif użah il-bniedem tul is-snin fid-dawl tal-fdalijiet minn żmien ir-Rumani, oħrajn minn żmien il-Kavallieri u oħrajn minn żmien il-gwerra flimkien mal-ambjent naturali mill-isbaħ li bih hija mgħonija din iż-żona.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Jose Herrera faħħar il-ħidma ta’ Heritage Malta u qal li fil-budget għas-sena d-dieħla, il-Gvern alloka €3 milljun għar-restawr u tisbiħ fil-mużewijiet u siti storiċi fi ħdan Heritage Malta.