Temp
Għargħar f’uħud mit-toroq u l-bajjiet

Il-maltemp tal-aħħar sigħat wassal għal għargħar f’uħud mit-toroq u l-bajjiet l-aktar imfittxija fosthom ir-Ramla l-Ħamra u Marsalforn f’Għawdex.

Kawża tal-maltemp uħud mit-toroq ukoll spiċċaw mgarrqa speċjalment fi Triq Diċembru 13 il-Marsa, qrib il-junction ġdida fil-Marsa, l-Imsida, l-Imġarr, Santa Venera, Blata l-Bajda u n-Naxxar fost l-oħrajn. Dan wassal għal konġestjonijiet tat-traffiku f’dawn iż-żoni u f’arterji ewlenin oħrajn speċjalment taħt il-mini tat-triq Reġjonali.

L-Enemalta qalet li l-maltemp ikkawża ħsarat fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u kien hemm qtugħ fil-provvista f’partijiet minn Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi, il-Ħamrun, Santa Venera, Ħal Luqa, Ħal Tarxien, il-Gudja, il-Bidnija u l-Wardija. L-Enemalta qalet li l-ħaddiema qed jaħdmu fuq il-ħsarat biex il-provvista terġa’ lura fl-iqsar ħin possibbli.

Il-maltemp wassal ukoll biex titjira tar-Ryanair minn Leeds tinżel fl-ajruport ta’ Catania minflok Malta. Madankollu, it-titjiriet l-oħrajn minn u lejn Malta żammew mal-iskeda oriġinali.

L-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali qed ibassar li l-instabbiltà u l-maltemp mistennija jippersistu sa mill-inqas għada bil-ħalbiet tax-xita bir-ragħad u bil-buffuri tar-riħ u possibilment bis-silġ f’xi waqtiet.

https://www.facebook.com/100001752067316/posts/3257865230948514/