Lokali
Għarusa ta’ ħabsi tgħid li d-Direttur tal-Ħabs mhux iħalliha tiżżewweġ

Mara ta’ 29 sena li isimha mhux se jixxandar biex tkun rispettata l-identità tagħha, qalet lil TVM li din il-ġimgħa kienet qed tittama tiċċelebra l-ewwel anniversarju taż-żwieġ. Madanakollu, għadha sal-lum ma tistax twettaq ix-xewqa tagħha.

“L-għarus tiegħi jinsab il-ħabs. Sena ilu tlabna biex niżżewġu. Kellna niżżewġu nhar it-13 ta’ Awwissu tas-sena l-oħra u ġimgħa qabel id-direttur iddeċieda li ma joħorġux. Ħallejna sena tgħaddi, xahrejn ilu tlabna għal permess u baqa’ bla risposta” qalet il-mara.

Il-mara qalet li minkejja li l-ewwel talba kienet biex il-priġunier jingħata prison leave, kif inhi l-prassi fil-każ ta’ priġunieri oħrajn, il-koppja lesta li tiffirma d-dokumenti li jorbtuhom legalment flimkien.

“Aħna kulma riedna niffirmaw karta, la riedna tieġ u ċerimonji, just inkunu miżżewġin legalment. Jien nixtieq inkun il-mara tiegħu biex nitkellem għalih, jekk jiġrilu xi ħaġa jinfurmawni. Hekk m’għandi dritt inkun naf xejn jien.”

Qalet li l-insistenza għaż-żwieġ ssarfet f’kastig għall-għarus tagħha, billi wara li fetħu protest ġudizzjarju fil-qorti, qalet li niżluh f’division 6, li hija żona b’sigurtà akbar fil-ħabs, mingħajr raġuni.

“Meta tefawh division 6 tefawh bla ħwejjeġ, bla saqqu, bla fan u maqful 24 siegħa” qalet il-mara. Kompliet tgħid “huma u niżlin bih waqqfu d-direttur u qallu “għid lill-avukat tiegħek li sakemm indum hawn jien int ma tiżżewwiġx u għid grazzi lill-għarusa tiegħek”.

Sorsi qalu lil TVM li l-awtoritajiet ħadu din id-deċiżjoni bħala mezz ta’ prekawzjoni fl-interess tal-priġunier innifsu.

Il-mara kompliet tgħid li minn hemm, waqfuh milli jkollu visti għal sitt xhur, u issa ġiet infurmata li hi ma tistax tersaq lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. “Illum mort intih il-ħwejjeġ li naħsillu ta’ kull ġimgħa normali u tfajtlu l-ittri u waqfuni żewġ uffiċjali mal-gate. Qaluli int ma tistax tidħol fil-ħabs, għandna ordni u ara jistax jiġi xi ħadd jitfa l-ħwejjeġ. Staqsejt x’inhi r-raġuni u qaluli m’għandniex raġuni.”

Is-sieħba tal-priġunier irrikonoxxiet li kemm ilu hemm id-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli, l-imġiba tal-għarus tagħha tjiebet, tant li ngħata xogħol fil-ħabs u anke kienu qed iħalluh ikollu żewġ visti flok waħda. “Jien lid-Direttur nixtieq nistaqsih għalfejn lili qed iċaħħadni milli jkolli familja, milli nara lill-għarus tiegħi. Qed iċaħħadni milli nitfalu il-flus” qalet il-mara.

Ikkuntatjat minn TVM, id-Direttur tal-Ħabs il-Kurunell Alex Dalli qal li f’dan l-istadju ma jħossx li għandu jikkummenta. Sorsi qalu li l-protest ġudizzjarju mistenni jiġi mwieġeb skont il-proċeduri stabbiliti tal-ħabs.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

“Għajnu Aħmar it-Tonn” jew “It-Tonn tal-Melliħin” kienet l-għajta tas-sajjieda Melliħin li sal-bidu tas-sittinijiet kienu jbiegħu t-tonn li jaqbdu bit-Tunnara. Is-sajd bit-tunnara nqata’ iżda fil-mużew tat-Tunnara fil-bajja tal-Mellieħa, għaqda volontarja Melliħija ikkonservat…

Pulizija

Fl-aħħar xahrejn, l-uċuħ ta’ erba’ Pulizija saru familjari mal-komunità tal-Mellieħa. Ir-residenti laqgħuhom u jqisuhom “ta’ ġewwa”. Dawn l-erba’ uffiċċjali jiffurmaw l-ewwel Community Policing Team fi proġett pilota mniedi mill-Korp. Intervistat…

Malta

Fil-Greċja, hemm madwar 3,500 persuna b’konnessjonijiet Maltin, il-maġġoranza f’Korfu fejn jgħixu Griegi b’nisel Malti li saħansitra jwasslu sar-raba’ u l-ħames ġenerazzjoni. Waqt żjara fil-Greċja, il-President George Vella ltaqa’ ma’ rappreżentanti…

Kisbiet

Imwieled Malta u emigra lejn l-Awstralja 44 sena ilu wara li gradwa mill-Università ta’ Malta dak iż-żmien kienet magħrufa bħala The Royal University of Malta. F’intervista ma’ TVM, il-Professur Stephen…

Aktar