Lokali
“Għas-sena d-dieħla, Għawdex ġie allokat l-akbar budget fl-istorja” – il-Ministru Camilleri

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li għas-sena d-dieħla, Għawdex ġie allokat l-akbar budget fl-istorja. F’konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv fir-Rabat Għawdex, il-Ministru Camilleri qal li l-Gvern alloka €27 miljun għal proġetti kapitali, żieda ta’ 5 miljuni fuq din is-sena.

Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, ta rendikont dwar l-allokazzjoni finanzjarja li l-Gvern iddedika għal Għawdex fil-budget ts-sena d-dieħla u qal li fost oħrajn hemm enfasi fuq it-titjib fl-infrastruttura bħall-€11-il miljun li huma dedikati għal investiment fit-toroq arterjali u residenzjali. Qal ukoll li se tkun qed issir ir-riġenerazzjoni tal-pjazez ewlenin tal-Munxar u Ta’ Sannat.

Ħabbar li se jibda r-restawr tal-fdalijiet tal-akwadotti li jinsabu fil-konfini tar-Rabat u se jitkompla l-bini ta’ skola primarja ġdida għall-istess lokalità. Fl-istess żona tal-iskola l-ġdida se jissokta x-xogħol fuq il-Mużew ta’ Għawdex li se jkun l-ewwel tasx-xorta fil-gżira.

Qal li bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej, bħalissa qed jiġu restawrati jew mibnija mill-ġdid 30 kilometru ta’ ħitan tas-sejjieħ madwar Għawdex. Spjega li dan ix-xogħol waħdu se jiswa €10 miljuni. F’dak li sejjaħ bħala l-akbar investiment li qatt sar fil-qasam sportiv f’Għawdex, il-Ministru Clint Camilleri semma kif għas-sena d-dieħla ġew allokati €6 miljuni biex jitkompla x-xogħol fuq iċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv fejn ser issir pixxina ta’ livell olimpiku u padiljun sportiv ġdid fil-qalbha tar-Rabat.

Fil-qasam tal-ilma, fix-xhur li ġejjin se jibda jopera l-ewwel impjant ta’ reverse osmosis f’Ħondoq ir-Rummien li għalih il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun ħarġet €11-il miljun. Il-Ministru Camilleri qal li b’dan il-progett Għawdex mhux se jibqa’ dipendenti fuq Malta għall-ilma waqt li l-kwalità u l-efficjenza fid-distribuzzjoni se jitjiebu.

Biex tkompli titjieb il-konnettività bejn Malta u Għawdex, il-Ministru Camilleri ħabbar l-immodernizzar tal-faċilitajiet tal-heliport fix-Xewkija u qal li għaddejjin sforzi fuq konnessjoni bl-ajru bejn il-gżejjer.

Il-Ministru qal li l-Gvern se jibqa’ jwettaq diversi skemi biex joħloq aktar xogħol f’Għawdex; jattira aktar turiżmu u jtejjeb l-attivitajiet organizzati. Semma wkoll inċentiv maħsub biex aktar żgħażagħ Għawdxin jibnu l-ġejjieni tagħhom f’Għawdex stess. F’dan ir-rigward dawk li jixtru għall-ewwel darba f’Għawdex dar antika u mhux abitata, jew fil-qabha tal-irħula jew proprjetà mibnija fuq stil tradizzjonali, apparti li se jkunu eżenti mit-taxxa se jingħataw €30,000 li hu d-doppju ta’ dak li jieħdu Maltin.