Politika
“Għawdex fiċ-ċentru u mhux sempliċi annex ta’ Malta” – PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li Għawdex irid ikun fiċ-ċentru tal-politika Maltija u mhux sempliċi annex ta’ Malta jew minsi.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Għawdex, id-deputat Nazzjonalista u kelliem għal Għawdex Chris Said, qal li l-budget ma ndirizzax il-problemi tal-Għawdxin l-iktar meta wieħed iqis li l-paga medja f’Għawdex hija tliet elef ewro fis-sena inqas minn dik f’Malta. Qal li ma ġietx indirizzata lanqas il-problema tal-iżvilupp u qed tinqered l-isbuħija tal-gżira Għawdxija.

Id-deputat Kevin Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista qed ipoġġi lil Għawdex bħala wieħed mit-12-il pilastru tal-viżjoni tiegħu biex ikun fiċ-ċentru tal-ħidma politika. Tkellem dwar l-aċċessibiltà u qal li l-fast ferry ilu jissemma u ma sar xejn filwaqt u qal li r-raba’ vapur tal-Gozo Ferry huwa wieħed bi standard baxx u mhux aċċessibbli minn kulħadd.

Id-deputat Joe Ellis qal li Għawdex appella biex isir investiment f’iktar xogħol ghall-Għawdxin. Qal li l-gvern qed jiffoka fuq impiegi li jħallsu pagi miżeri u b’kundizzjonijiet prekarji flok impjiegi li jħallsu iktar u ta’ kwalità ogħla.