Politika
Għawdex għandu jitpoġġa fuq quddiem tal-aġenda parlamentari – Il-Kap tal-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li jrid paġna ġdida għal Għawdex, u li Għawdex għandu jitpoġġa fuq quddiemnett tal-aġenda parlamentari.

Waqt laqgħa politika fin-Nadur, Għawdex, Dr Grech qal li qed isiru laqgħat mal-esperti li qed jaraw x’qed jiġri fis-suq tax-xogħol, is-saħħa, l-ambjent u l-infrastruttura, bil-għan li l-Partit Nazzjonalista jkun jista’ joħroġ bi proposti u miżuri sabiex ikattar il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Għawdex hi gżira li tant għandha potenzjal li tista’ tkun l-għira ta’ kulħadd. Dr Grech enfasizza li jrid paġna ġdida għal Għawdex u li Għawdex għandu jitpoġġa fuq quddiemnett tal-aġenda parlamentari.

Semma l-istudju soċjoekonomiku fuq Għawdex, li qal kien wiegħed ftit tal-ġimgħat ilu u li fuqu qed isir ħafna xogħol. Spjega li għal dan l-istudju qed isiru laqgħat mal-esperti li qed jaraw x’qed jiġri fis-suq tax-xogħol f’Għawdex, fil-qasam tas-saħħa, ambjentali, infrastrutturali, bl-għan li tkompli titkattar il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin.

Qal li din hi l-ħames sena minn mindu l-Gvern ċaħħad lill-Għawdxin mill-konnettività li kellu fil-qasam tal-merkanzija bejn il-port ta’ Marsamxett u Għawdex, b’Dr Grech jgħid li Partit Nazzjoanlista fil-Gvern iwiegħed li mhux biss jerġa’ jdaħħal dan is-servizz, imma jsaħħu, u jagħmlu iktar frekwenti. Wiegħed ukoll li għall-passiġġieri jagħmel fast ferry, li qal taħt Gvern Laburista baqgħet biss ħolma.

Il-Kap Nazzjonalista qal li wara li l-Gvern kien laqa’ t-talba tal-Oppożizzjoni biex jiltaqa’ Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet ta’ Għawdex, għal xi żmien Gvern u Oppożizzjoni ħadmu flimkien, iżda issa sostna li l-Gvern qed jaħdem baxx baxx biex jeqred dan il-kumitat. Bernard Grech wiegħed li Gvern Nazzjonalista jħaddem dan il-kumitat parlamentari biex iwettaq proposti ta’ fejda għall-Għawdxin.

Dwar is-saħħa, Dr Grech qal li l-PN se jkompli jaħdem biex l-Isptar Ġenerali t’Għawdex jerġa’ jsir tal-poplu Malti u Għawdxi. Sostna li fil-ġranet li ġejjin il-PN se jkompli jħabbar miżuri biex jinvolvi lill-kandidati fil-proċess tat-tisħiħ tal-policies u qal li kien għalhekk li ħatar lil Claudio Grech bħala kelliem għat-tiġdid politiku.

Il-Kap Nazzjonalista sellem lill-ġurnalisti, tekniċi u xandara tal-istazzjon nazzjonali li qal huma kapaċi minkejja l-pressjoni li ssirilhom. Madanakollu Dr Grech qal li din il-ġimgħa ħassu qed jiġi intervistat b’mod sfaċċat u partiġġjan fuq l-istazzjon nazzjonali u għamel stedina biex kulħadd jingħaqad miegħu ħalli, skont hu, ix-xandir nazzjonali jkun ħieles.