Lokali
“Għawdex salva lil Malta u lil nies li jorqdu barra”

Matul il-pandemija tal-COVID-19 Għawdex kien strumentali biex jgħin lil nies li ma kellhomx saqaf fuq rashom. 

Dan qalu l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti waqt il-programm TVAM fuq TVMnews+.

Huwa attribwixxa ż-żieda fin-nies li m’għandhomx fejn joqogħdu għall-influwenza minn pajjiżi barranin u l-imxija tal-COVID-19.

Minkejja li f’Malta hawn diversi entitajiet li jgħinu lin-nies vulnerabbli u lil dawk li m’għandhomx kenn, il-pandemija tal-COVID-19 ġabet magħha diversi sfidi li xekklithom mill-ħidma tagħhom.

Kif spjega, Alfred Grixti, minħabba l-pandemija, l-isptarijiet li tefgħu r-riżorsi tagħhom fuq il-pandemija ma setgħux ikomplu jgħinu lil dawn in-nies u x-xelters ma setgħux ikomplu jilqgħu nies ġodda sabiex jipprevjenu mill-imxija tal-COVID-19. Dan wassal biex sakemm għadda l-agħar żmien tal-imxija x-xelters inbidlu għal residenzi temporanji.

Spjega li matul din l-isfida, kien hemm mal-100 ruħ li ġew liċenzjati mill-isptar u ma kienx hemm fejn imorru. Grixti spjega li l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali ġabret dawn in-nes f’Dar l-Impenn biex tagħmlilhom test għall-COVID-19. Huma baqgħu joqogħdu hemm sakemm jinħarġilhom ir-riżultat u minn hemm ittieħdu Għawdex f’Dar Emmaus u f’Dar Padova.