Għax ‘overweight’ ma stajtx nissellef għad-dar

Ir-restrizzjonijiet ta’ self mill-banek ma jieqafx biss mal-mard terminali. Persuni b’diżabilità u persuni li għandhom piż żejjed ukoll qed isibuha diffiċli biex jieħdu self mill-banek Maltin. ‘Popolin’ tkellem ma Ghislaine Bongailas, tfajla ta’ 24 sena li minħabba piż eċċessiv il-banek mhux qed jaċċettaw li jtuha self biex tixtri propjetà.

Ghislaine spjegat li tkellmet ma diversi kumpaniji tal-assigurazzjoni biss ħadd ma qed jaċċetta li jassiguraha; “Ma riedux jassiguraw lili minħabba li jien obese”. Kompliet tgħid li din il-problema qed jgħaddu minnha ħafna nies. “Għalfejn jien ta’ 24 sena, għandi niġi ddiskriminata?” qaltilna Ghislaine filwaqt li spjegat li meta saret taf li ma tistax tkompli bil-ħolma tagħha li jkollha propjetà f’isimha ħasset id-dinja taqa’ fuqha. Enfasizzat li tixtieq tieħu dan is-self biex ikollha saqaf fuq rasha u mhux biex takkwista xi tip ta’ lussu. “Hemm għalfejn nikri jien, minħabba jien kif jien?”

Ghislaine tenniet li l-obeżità tagħha hija dovuta għal problemi ġenetiċi. Stqarret li qed tagħmel l-almu tagħha biex tonqos mill-piż, biss il-fatt li trid tonqos 50 kilo m’hiex xi ħaġa li tista’ tagħmel faċilment. “Lanqas ħaqq kemm studjajt u għamilt sagrifiċċji. Hemm bżonn li jsir xi ħaġa”.