Lokali
‘Għext għall-Festa u għall-Karnival’ – jibnu karru għal ġieħ iċ-Chippy

Miet jagħmel l-aktar ħaġa għal qalbu . . . jaħdem il-karrijiet tal-Karnival. Jean Paul Bonett, magħruf bħala ċ-Chippy, se jagħlaq sitt xhur mindu ħa xokk f’maħżen tal-Karnival li ħallieh tal-post.

Jiem biss wara mewtu, sħabu d-dilettanti tal-Karnival bdew jaħdmu fuq karru biex isellmu l-memorja tiegħu. Il-karru juri liċ-Chippy bħala reffiegħ fil-festa ta’ San Gejtanu u bil-kostum tal-Kavallier tal-Karnival.

Ma’ Television Malta, sħabu stqarrew li għalkemm dan huwa ż-żmien tal-bluha, huma jħossu diqa li ċ-Chippy mhux magħhom.

‘Għext għall-Festa u għall-Karnival’. Tema ta’ karru tal-Karnival li tiddeskrivi lil Jean Paul Bonett li nhar is-Sibt jagħlaq sitt xhur mejjet. Bonett, magħruf bħala ċ-Chippy, kellu 45 sena meta miet b’xokk lejlet il-Karnival tas-sajf waqt li kien qed jgħaddi d-dawl fuq il-karru f’maħżen tal-Karnival fil-Marsa.

Shawn Curmi kien minn tal-ewwel li sab liċ-Chippy mejjet. Hu wriena l-post eżatt fejn għannaq għall-aħħar darba lil sieħbu. Hu u ċ-Chippy kienu ħobża u sikkina.

“Bdejt ngħannqu miegħi imma l-Bambin riedu. Sirt nemmen li bid-destin għax dan seta’ miet filgħodu. Stenna lili nasal biex jarani tal-aħħar u ħallieni.”

Wara din it-traġedja, Shawn Curmi ma riedx ikompli jibni l-karrijiet . . . iżda fil-fond ta’ qalbu ħass li ċ-Chippy riedu jkompli.

“Kerha nerġa’ ngħidilkom. Anki nkun waħdi hawn. Iebsa imma nkompli. Għalih.”

Jiem biss wara mewtu, il-volontiera tal-kumpanija Buffalo xammru l-kmiem u bdew jibnu karru f’ġieħ iċ-Chippy.

“Għandna l-ewwel wiċċ li għamilnieh daqsxejn pulit bħala reffiegħ u għandna t-tieni wiċċ bil-maskra tal-Karnival biex inlibbsuh ta’ kavallier. L-iktar oġġett li kien iħobb il-Kavallier tal-Karnival.”

Oħtu t-tewmija tirrakkonta kif f’dawn iż-żminijiet, iċ-Chippy kien ikun fis-seba’ sema. Għal Claudine Mackay, l-irjus li ħolqu sħabu huma fula maqsuma ma’ ħuha.

“Perfett. Qed ngħidlek qisu qiegħed ħdejja. Nista’ ngħid li qiegħed ħdejja. Mhux maskra din. Nista’ ngħid li hu. Ħdejja hawn qiegħed. Presente.”

Shawn Curmi ma ħassx li kellu jikkompeti bil-karru.

“Jien ma ridtx għax jien ma ridtx nikkompeti bl-ikbar ħabib li għandi. Jien rrid noħroġ bih biex intih l-aħħar tislima.”

Id-dilettanti tal-Karnival konvinti li ċ-Chippy se jiċċelebra l-Karnival fis-sema. In-nuqqas tiegħu fil-maħżen iżda se jibqa’ jinħass.

“Inħobbu qisu ħija. Inħobbu u għad jasal żmien li niltaqa’ miegħu jien ukoll. Qisna aħwa. Kuljum flimkien. Iebsa. Imma issa naraw.”

Il-karru taċ-Chippy se jkun fost is-serbut ta’ karrijiet li se jpaxxu l-għajn fil-perjodu tal-Karnival.

Aħbarijiet Oħra
Reliġjon

Is-soltu, tard filgħaxija nhar il-Ġimgħa l-Kbira, diversi purċissjonijiet ikunu bdew deħlin lura fil-Knejjes wara li jterrqu fil-qalba tal-bliet u l-irħula. Din is-sena, iżda it-toroq battala. Minflok, saret biss Via Crucis …

COVID-19

Fl-aħħar snin, fil-lejl bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira, kienet issir il-mixja għall-Fondazzjoni Puttinu Cares. Din kienet waħda mill-ħafna attivitajiet li tħassru minħabba l-pandemija tal-COVID-19 li qed iżid mal-piż li…

Kronaka

Illum, fil-Ġimgħa l-Kbira, il-Pulizija ħarġet total ta’ 59 multa lil persuni li kienu qed jiksru l-liġi billi nġabru barra f’qaqoċċa. Skont l-avviż legali LN 112/113 huwa illegali li f’post pubbliku jkun…

Lokali

Il-pandemija ħarbtet ir-rutina tax-xogħol ta’ bosta. Ħafna ħaddiema spiċċaw jaħdmu mid-dar bit-teleworking. Mhux kulħadd iżda jista’ jagħmel dan fosthom il-ħaddiema fl-isptar fejn żiedet il-pressjoni fuq l-infermiera u t-tobba fost oħrajn….

Aktar