Lokali
Għodda għall-intapriżi żgħar biex ikunu konformi mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data

Minn din is-sena, intrapriżi żgħar se jkollhom għodda li se tgħinhom jiġu konformi mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data. L-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data huwa wieħed minn fost 19-il entità mhux governattiva mgħejjuna mill-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta biex applika u kiseb fondi Ewropej għal dan it-tip ta’ proġett.

Bl-għajnuna tal-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta, dik li qabel kienet magħrufa bħala MEUSAC, l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data applika għall-fondi Ewropej biex iwettaq proġett biex intrapriżi żgħar ukoll ikunu konformi mar-regolament Ewropew tal-protezzjoni tad-data magħruf bħala GDPR.

Dan ir-regolament daħal fis-seħħ f’Mejju tal-2018 biex jirregola l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali għax id-dritt tal-protezzjoni tad-data huwa dritt fundamentali. L-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data kiseb €250,000 biex jagħmel dan il-proġett li kien primarjament maqsum fit-tnejn.

Il-Kummissarju Ian Deguara qal li l-ewwel parti li bdiet minn Diċembru tal-2019 kienet tikkonsisti f’kampanji ta’ għarfien dwar dan ir-regolament u l-importanza tiegħu. Qal li dan ħalla frott għaliex tul l-aħħar xhur żdiedu l-ilmenti u anki l-kumplessità tagħhom.

It-tieni parti tal-proġett li għandu jitlesta sa tmiem din is-sena hija għodda li tkun disponibbli fuq l-internet biex tgħin lill-intrapriżi żgħar jiġu konformi mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data.

Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data Ian Deguara qal “din l-għodda se tgħin start ups u anki wkoll il-micro smes li jifformaw parti kbira min-negozji ta’ pajjiżna sabiex tgħinhom biex jottemplaw ruħhom mal-GDPR. GDPR x’inhi? Permezz ta’ din l-għodda se tgħatik gwida x’għandek tagħmel inti, jiddependi fuq in-natura tal-business li jkollok u x’tip ta’ informazzjoni tiproċessa biex inti tkun konformi mar-regoli tad-data protection.”

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis iddeskriva lill-intrapriżi żgħar bħala s-sinsla tal-ekonomija Maltija u ħafna drabi ma jaffordjawx riżorsi umani speċifikament biex jassiguraw li qed josservaw il-liġi tal-GDPR.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela fisser dan il-proġett bħala eżempju ċar kif il-fondi ewropej jintużaw biex jaslu għand in-nies u saħaq dwar l-importanza tal-ħidma biex kulħadd ikollu aċċess għall-dawn il-fondi.

Temm jgħid li 19-il entità ġew mhejjuna mill-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta fosthom l-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data, biex kisbu fondi ewropej filwaqt li appella biex dawk l-għaqdiet li jħossu li għandhom proġett li jridu jwettqu jersqu għand l-aġenzija ħalli b’hekk il-pajjiż ikompli jagħmel suċċess mill-fondi Ewropej.