Lokali
Għotja fuq il-valur tal-VAT imħallas sa €54,000

Il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ħabbar li minn għada 12 ta’ Ottubru, dawk li ser jixtru jew li diġà għandhom propjetajiet vakanti jew f’żoni ta’ konservazzjoni urbana jew bi stil tradizzjonali ser tingħata ukoll għotja fuq il-valur tal-VAT imħallas sa massimu ta’ €54,000 għal fuq l-ewwel €300,000 fi spejjeż ta’ restawr u irfinar.

Qal li dan qed isir għax il-gvern jifhem li r-riġenerazzjoni ta’ dawn it-tip ta’ propjetajiet tiswa iżjed mill-medja u l-Gvern hu impenjat li jgħin.

Il-Ministru Caruana qal li din tgħodd ukoll għal min diġa` xtara propjetà u għaddej bir-restawr. Sostna li sabiex dawn il-miżuri ma jkollhomx element spekulatorju u verament jitgawdew mill-familji ser jiddaħħlu numru ta’ regoli fosthom li l-propjetà ma tistax tiġi diviża.

Huwa ħabbar ukoll li l-gvern se jestendi għal sena oħra l-iskemi ta’ tnaqqis fit-taxxa tal-boll għall-first-time buyers, second time buyers u x-xiri ta’ propjetà f’Għawdex filwaqt li miżuri li kienu eżistenti sabiex jittaffa l-impatt tal-pandemija fuq dan is-settur ser jintemmu f’Ġunju ta’ 2022.