Lokali
Għotja sa €300 għal studenti barranin li jiġu Malta jitgħallmu l-Ingliż

Il-Gvern alloka budget ta’ miljun ewro għal skema ġdida biex iħajjar aktar studenti barranin jiġu jitgħallmu l-Ingliż f’Malta. Din l-iskema hi intiża għall-istudenti li jkunu se jqattgħu minimu ta’ 15-il lejl f’Malta fejn dawn se jibbenefikaw minn €10 għal kull ġurnata li jkunu se joqgħodu Malta.

Studenti barranin li jiġu Malta biex jitgħallmu l-Ingliż mill-ewwel ta’ Ġunju se jibbenefikaw minn għotjiet li jistgħu jintefqu fil-ħwienet kollha li jużaw is-sistema ta’ vawċers tal-Gvern, inkluż fl-iskejjel liċenzjati.

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li din l-iskema b’budget ta’ miljun ewro se tapplika għall-istudenti li jkunu se jqattgħu f’Malta mill-inqas 15-il lejl fejn dawn se jieħdu €10 għal kull ġurnata li jdumu Malta. Il-massimu tal-għotjiet hu ta’ €300 għal kull student, bil-vawċers ma jistgħux jissarrfu fi flus kontanti.

“Se jkunu qegħdin igawdu kemm l-istudenti nfushom għax se jkollhom iżjed disposable income x’jonfqu f’pajjiżna, se jgawdu wkoll -iskejjel stess għax se ngħinnuhom jinċentivaw iżjed studenti li jinteressaw ruħhom f’pajjiżna. Iżda fuq kollox se jgawdu l-Maltin u l-Għawdxin kollha għax dan hu settur importanti ħafna sabiex jgħin fl-irkupru turistiku u allura f-irkupru ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna.”

Mistoqsi dwar rapporti li ħames skejjel tal-Ingliż se jagħlqu l-bibien tagħhom, il-Ministru Bartolo qal li l-Gern kien f’kuntatt magħhom u qal li hu għalhekk li ħareġ l-iskema tal-vouchers lil-istudenti barranin. Qal li jifhem is-sitwazzjoni li dawn l-iskejjel għaddejjin minnha.

Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Gavin Gulia, qal li dan il-qasam hu niċċa importanti ħafna għal Malta.

“Jgħin lit-turiżmu mhux biss mill-Ewropa imma wkoll minn barra l-Ewropa. Din l-iskema hi intiża biex tistimola turiżmu minn din in-niċċa.”

Qal li din hi skema oħra li se tgħin fil-pjan ta’ rkupru għat-turiżmu.