Lokali
Għotja ta’ €1,000 għan-negozji fost bosta skemi biex jgħinu lin-negozji milquta mill-pandemija

Minn għada sidien ta’ każini u barijiet jistgħu japplikaw għal għotja ta’ darba ta’ €1,000. Din hi t-tieni darba li l-Malta Enterprise qed toffri dan l-inċentiv lin-negozji li kellhom jibqgħu magħluqin wara Mejju li għadda minħabba l-pandemija.

In-negozji li għalqu f’Marzu li għadda huma eliġibbli għal żewġ skemi oħrajn dwar il-kirjiet u l-kontijiet tad-dawl. Bl-iskema tal-kirjiet, in-negozji se jingħataw żieda ta’ 50% fuq l-ammont li ngħataw is-sena l-oħra. Bl-iskema tal-kontijiet tad-dawl, il-Malta Enterprise se tħallas nofs l-ispiża tan-negozji għall-kontijiet tad-dawl bejn Ġunju u Awwissu ta’ din is-sena.

Il-Ministru għall-Intrapriża, Miriam Dalli, qalet li dawn l-iskemi jammontaw għal investiment totali ta’ €12-il miljun.

“Iż-żmien ta’ pandemija ċertament kien sfida li ħadd ma seta’ jbassar. U għalhekk, li mal-ewwel rajna li nagħtu l-appoġġ u s-sostenn meħtieġ lin-negozji. Irridu nipproteġu n-negozji biex inkunu qed nipproteġu l-impjiegi tal-Maltin u l-Għawdxin. Dak hu li għamilna fl-aħħar xhur u dak hu li se nkomplu nagħmlu fix-xhur li ġejjin”, qalet il-Ministru Dalli.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, qal dawn il-miżuri jikkumplimentaw l-iskema tas-suppliment tal-pagi tal-ħaddiema li minnha s’issa tħallsu iktar minn €600 miljun.

“Nikkalkulaw li €7 miljuni fil-ġimgħa għall-aħħar sena u nofs fuq madwar 100,000 impjegat u iktar minn 16,000 negozju. Dawn huma ċifri li meta tqishom u l-applikazzjonijiet li kien hemm, huma ċifri enormi by any standard fl-assistenza li ngħatat matul il-pandemija”, qal il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise.

Is-Sur Farrugia qal li hu mbassar li din l-iskema tkompli għaddejja sal-aħħar tas-sena, bl-assistenza tista’ tlaħħaq madwar €800 miljun.