Lokali
Giacomo jiċċelebra l-fejqan wara li ħakmu kanċer rari

Sena wara li ħa l-aħbar li marad b’marda rari tal-leukemia, illum Giacomo Cassar Fenech flimkien ma’ familtu qed jiċċelebra l-fejqan. Giacomo qatta’ tmien xhur l-isptar Mater Dei wara li ħakmitu marda li taħkem lil wieħed kull tliet mitt elf persuna. Illum li fieq Giacomo permezz ta’ Puttinu Cares qed jgħin tfal oħra morda bil-kanċer, u qed iwasslilhom messaġġi ta’ kuraġġ.

Sena ilu wara li ħa l-aħbar li marad b’dik li tissejjaħ Berkitt’s lymphoma leukemia, Giacomo daħal l-isptar Mater Dei u ma ħariġx qabel ma għaddew tmien xhur. F’dawn ix-xhur twal fis-sodda, Giacomo li dak iż-żmien kellu disa’ snin kien batut ħafna. Kif qalilna hu, kien iħoss bħal ħġieġ ġo gerżumtu u lanqas biss kien jiflaħ jitkellem.

Giacomo Cassar Fenech qal li “one of my worst sufferings, it felt like i had glass in my mouth, i could not speak a word, and luckily i used a phone and to talk i used to type and show it to mother”.

Sa minn mindu kellu sitt snin, Giacomo kien imrobbi minn familtu biex ikun pożittiv u ddeterminat. Meta marad ried ħdejh minnufih wieħed mill-għalliema tiegħu, l-eks suldat Martin Borg. Qalilna li kien il-kliem ta’ kuraġġ li kien jgħallmu dan l-għalliem, li għenu ħafna biex ma jaqtax qalbu.

Martin Borg qal li “kien jitbissem meta kont nibgħatlu xi ħaġa, anki meta kont mort inżuru l-isptar, kienet xi ħaġa fenomenali għalija”.

Omm Giacomo, Pira Fenech qaltilna li ma tridx temmen li binha llum fieq. Qalet grazzi wkoll lil Puttinu li tant tawha kuraġġ biex tibqa’ soda minkejja ċ-ċirkustanzi kiefra ta’ mard.

Pira Fenech qalet li “nħares lura qas nemmen li qisu qatt ma kien xejn. Ma tridx taqta’ qalbek għax inkella tegħreq, faith and hope“.

Fil-Milied li għadda, Giacomo rċieva ħafna kartolini minn għadd kbir ta’ tfal biex jawgurawlu fejqan ta’ malajr li taw ħafna ferħ u qawwewlu qalbu. Wara dan l-imrar Giacomo jappella lit-tfal bħalu li qegħdin l-isptar biex ma jaqtgħu qalbhom qatt.

Giacomo Cassar Fenech jgħid li “don’t lose hope, I am here living my life running around”.

Giacomo huwa wieħed minn ħafna tfal li rċevew għajnuna u appoġġ minn Puttinu Cares, u li se jkun qed jagħti l-appoġġ tiegħu biex jgħin tfal oħra fil-Maratona ta’ 60 siegħa ta’ logħob volleyball u futbol li tibda nhar il-Ġimgha li ġej fil-Marsa.