Lokali
Ġimgħa Kbira ta’ tbatija għal poplu sħiħ . . . hemm xebh mat-Tieni Gwerra Dinjija?

Il-ġurnata tal-lum: il-Ġimgħa l-Kbira, tfakkar it-tbatija ta’ persuna waħda elfejn sena ilu. Din is-sena, din il-ġurnata qed tirrifletti t-tbatija ta’ poplu sħiħ. L-aħħar ċirkustanza b’xebħ mal-lum għadha fil-memorja ta’ anzjani avvanzati sew fl-età. Tmienja u sebgħin sena ilu, il-poplu Malti kien qed jgħix l-agħar xahar tat-Tieni Gwerra Dinjija. Illum qed ngħixu l-flaġell ta’ gwerra xort’oħra.

Mill-11 ta’ Ġunju 1940, Malta għamlet 2,375 siegħa taħt attakk. Hu kalkulat li Malta qalgħet tliet darbiet aktar bombi minn Londra. Il-vittmi ma kinux ftit, b’1,580 ruħ tilfu ħajjithom b’konsegwenza diretta tal-ħbit mill-ajru . . . eluf ta’ bini ġġarraf . . . familji sħaħ tilfu kullma kellhom . . . u l-ħajja ta’ poplu sħiħ tħarbtet.

Tmenin sena wara, qed nesperjenzaw gwerra oħra din id-darba ma għadu li ma jidhirx. M’hemmx grupp ta’ pajjiżi kontra ieħor. Id-dinja kollha tinsab f’baħar wieħed. Fl-aħħar xahar ħajjitna tħarbtet ukoll! Ix-xelter taħt l-art b’ħafna familji fih ħaditlu postu d-dar u b’direttivi biex inżommu distanza minn xulxin. Bħalma fl-aħħar gwerra eluf spiċċaw refuġjati f’lokalitajiet imbegħda mill-Port il-Kbir, bosta issa kellhom ifittxu akkomodazzjoni oħra jew qegħdin fi kwarantina biex jitbegħdu minn membri oħra tal-familja.

L-isptar baqa’ mgħobbi bix-xogħol: flok jikkura l-midruba jitqabad ma’ mikrobu li għad mhemmx kura għalih. Il-media baqgħet il-mezz biex titwassal informazzjoni uffiċċjali: dakinhar ir-redifussion . . . illum l-istazzjonijiet tar-radju, it-televixin u l-media soċjali. Erġajna rajna ħwienet u skejjel magħluqa, nies reġgħu ħażnu ikel u oġġetti essenzjali, oħrajn tilfu xogħol . . . il-ħajja soċjali tnaqqret sew. Jekk nieħdu l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, din is-sena ma ħarġux. L-istess ġara fil-gwerra meta l-ewwel purċissjonijiet f’Malta reġgħu ħarġu fl-1944 fil-Belt, Ħal Qormi u r-Rabat.

April 1942 jibqa’ mniżżel fl-istorja bħala x-xahar bl-akbar tbatija għall-poplu Malti tul it-Tieni Gwerra Dinjija. F’April biss twaddbu fuq Malta 6,700 tunellata ta’ bombi; it-tripplu tax-xahar ta’ qabel u sitt darbiet aktar minn Frar. L-imwiet ma kinux ftit. F’April biss, saret ħsara jew twaqqgħu, ‘il fuq minn 11,000 binja fosthom it-Teatru Rjal u għadd ta’ bereġ u palazzi fil-Belt; il-Knisja ta’ San Publiju u l-Isptar Boffa fil-Floriana; il-Knisja ta’ San Lawrenz u t-Torri tal-Arloġġ fil-Birgu, u l-knejjes ta’ Ħal Luqa u l-Imqabba. Kien ix-xahar ukoll li fih intlaqtet ir-rotunda tal-Mosta.

Bil-poplu mfarrak, f’nofs dak ix-xahar, ir-Re Ġorġ Sitta tal-Ingilterra kiteb b’idejh messaġġ lill-Maltin u infurmahom li kien qed jirregalalhom il-George Cross bħala unur lill-poplu għall-impenn u l-qlubija li wera. Bħalma t-Tieni Gwerra Dinjija għaddiet, il-COVID-19 tgħaddi wkoll, bit-tama li l-kuraġġ u l-għaqda . . . jkunu għal darba oħra marka tal-poplu Malti.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Waqt li l-Gvern Spanjol beda jerħi wħud mill-aktar restrizzjonijiet ebsin kontra l-virus, l-isptar del Mar f’Barċellona ħa inizjattiva li jieħu lill-pazjenti bil-coronavirus ħdejn il-baħar. Tim mediku mill-isptar Hospital del Mar,…

Agrikultura

“Marzu jgħidlu ikber, April iżbel u Mejju aħsad.” Hekk jgħid il-Malti għall-qamħ. Żmien il-ħsad tista’ tgħid għadda u minn għelieqi kbar lewn id-deheb illum tilmaħ għexieren ta’ balal ta’ tiben…

Parlament

Id-Deputat Prim Minsitru u Minsitru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern kien infurmat bil-fomm mill-Kap Eżekuttiv ta’ Steward Healthcare f’Malta dwar ix-xiri ta’ ishma ta’ shareholder Amerikan mill-istess Steward Healthcare. …

Trasport

F’toroq battala mill-vetturi matul il-pandemija jidher li l-użu tar-rota żdied, kemm bħala mezz ta’ attività fiżika imma wkoll mezz ta’ trasport alternattiv. Grupp ta’ nisa b’kollaborazzjoni mal-organizzazjoni MOVE ngħaqdu fil-kampanja ROTA…

Aktar