LGBTIQ
Ġimgħa ta’ attivitajiet li jirrispettaw ir-restrizzjonijiet tal-Covid minflok il-Pride Parade

Kull sena eluf jinġabru mat-toroq tal-kapitali biex jiċċelebraw l-inklużjoni u d-diversità waqt li jkabbru l-għarfien dwar kwistjonijiet pertinenti għall-komunità LGBTIQ+.

Minħabba l-pandemija, għat-tieni sena l-Malta Pride Parade ma setgħetx issir, iżda l-Allied Rainbow Communities ippreparat programm varjat ta’ attivitajiet bit-tema #YouAreIncluded.

Fi Spazju Kreattiv qed tittella’ wirja tal-arti ‘Refraction’, li tinkludi xogħlijiet minn diversi artisti LGBTIQ+ internazzjonali.

Il-President tal-Allied Rainbow Communities, Clayton Mercieca, qal li t-tema ta’ din is-sena ‘You Are Included’ tisħaq dwar l-importanza li, avolja sar progress f’dan il-qasam, għad hemm ħafna xogħol xi jsir fejn tidħol edukazzjoni, saħħa u fl-identità tal-ġeneru.

“Għandna ġimgħa sħiħa ta’ diskussjoni fil-komunità; HIV, li tkun barrani u tgħix hawnhekk, abilitajiet differenti, kif ukoll il-kwisjtoni u d-dar bħala familja u kif ngħixu aħna. Għandek ukoll opportunitajiet ta’ attivitajiet soċjali bil-qafas tar-restrizzjonijiet tal-Covid-19.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Owen Bonnici, qal li mill-2013 ‘il quddiem Malta għamlet passi kbar ‘il quddiem fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ+, bid-drittijiet assigurati f’Malta huma kkunsidrati bħala mudell għal pajjiżi Ewropej oħrajn.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, José Herrera, qal li Spazju Kreattiv ġie stabbilit biex jenfasizza l-libertà tal-artisti u l-kreattivi. Qal li għalhekk hu xieraq li l-Malta Pride Week tibda propju minn Spazju Kreattiv.

L-esebizzjoni ‘Refraction’ se tibqa’ miftuħa sal-24 ta’ Ottubru, u twassal il-messaġġ ta’ ċelebrazzjoni ta’ dak li huwa ġeneralment emarġinat, minsi, jew miftiehem ħazin, kif ukoll hija rikonoxximent li l-ġlieda kontinwa għad-drittijiet LGBTIQ+ hija waħda globali.