COVID-19
Ġinekologi f’Malta qed iħeġġu nisa tqal biex jieħdu t-tilqima għall-Covid

Il-Kulleġġ Malti tal-Obstetriċi u l-Ġinekologi qed iħeġġeġ lil nisa tqal f’Malta biex jieħdu t-tilqima għall-Covid-19 wara t-tnax-il ġimgħa tat-tqala.

Fi stqarrija fuq il-midja soċjali, il-kulleġġ appella lin-nisa tqal biex jitlaqqmu minħabba li qed joħorġu kumplikazzjonijiet f’nisa tqal li jimirdu bil-Covid.

Il-kulleġġ qal li t-tilqima hija l-aħjar mod kif in-nisa tqal inaqqsu ċ-ċans li jieħdu l-Covid, fejn jaf jinqalgħu kumplikazzjonijiet għall-omm u għat-tarbija. Qal li t-tilqima tista’ tnaqqas iċ-ċans li l-omm tispiċċa fil-kura intensiva, li jkollha ħlas kmieni jew li t-tarbija titwieled bla ħajja.

Il-kulleġġ qal li l-evidenza turi li t-tilqima tista’ tingħata fit-tqala jew meta l-mara tkun qed tredda’, u li din ma taffettwax il-fertilità.

In-nisa tqal ġew imħeġġa jieħdu parir mit-tabib jew ġinekologu tagħhom, u jibbukkjaw it-tilqima Pfizer billi jċemplu fuq 145 jew jibgħatu email fuq [email protected]