Qasam soċjali
Ġinekologu jgħid li fl-IVF irridu nkunu progressivi daqs kemm aħna fid-drittijiet LGBTIQ

Il-ġinekologu Mark Sant qed jinsisti li l-pajjiż għandu jkun progressiv fl-IVF daqskemm kien fuq id-drittijiet LGBTIQ.

Huwa u jiġi intervistat fil-programm TVAM Dr Sant saħaq li l-pazjenti lokali m’għandhomx jingħataw kura inferjuri minn dawk f’pajjiżi oħra u ddikjara li kieku jkollna liġi bħal barra jkun hawn iktar suċċess bl-IVF.

Il-ġinekologu rrikonoxxa li daħħalna l-liġi tal-iffriżar tal-embrijuni imma lmenta li hija ristrettiva għax ma nistgħux niffertilizzaw iktar minn ħames bajdiet.

Huwa sostna li qegħdin f’sitwazzjoni fejn koppja b’mezzi finanzjarji tajbin tista’ tmur barra u saħaq li s-servizz m’għandux ikun jiddependi mill-qagħda finanzjarja.

Dr Sant enfasizza li d-deċiżjoni dwar l-IVF m’għandhiex tkun ibbażata fuq it-twemmin jew skont xi trid il-maġġoranza fil-konfront tal-minoranza.

Kien hawn li waqt li semma li fil-pajjiż hawn madwar 10% persuni LGBTIQ u qegħdin fuq quddiem fejn jidħlu d-drittijiet tagħhom sostna li hawn bejn 15% u 16% li jkollhom problemi minħabba infertilità u staqsa għaliex ma mmorrux fl-istess triq.

Il-ġinekologu rrefera wkoll għal ‘screening’, magħruf bħala PGD, biex qabel tarbija titwieled ikun magħruf jekk tkunx se tbati minn xi kundizzjoni.

Huwa semma każ lokali fejn minħabba li l-ġenituri kellhom ‘gene’ ħażina t-tarbija twieldet b’kundizzjoni li waslitha biex mietet ta’ sentejn u l-istess sentejn għaddiethom tbati.

Waqt li sostna li f’dawn il-każijiet l-“inċidenza mhux żgħira” huwa staqsa x’hemm ħażin li tkun taf minn qabel jekk tarbija hux se jkollha kundizzjoni.

Huwa ddeskriva bħala “faċċoliżmu” li tippriedka fuq xi ħaġa li ma tkunx misset lilek u staqsa wkoll għaliex tarbija għandha titħalla titwieled biex tgħix fil-miżerja u wara ftit tmut.

Dr Sant saħaq li l-embrijun hu tal-ġenitur u ta’ ħadd iktar u insista li fil-pajjiż hemm liġijiet tal-Knisja u dawk tal-Istat waqt li rrikonoxxa li m’hemmx qbil bejn ix-xjenza u l-Knisja Kattolika dwar meta tibda l-ħajja.