Reliġjon
Ġiżwita Malti fl-Iraq jgħid li l-vjaġġ appostoliku se jsolvi l-problemi li għadda minnhom il-pajjiż

Il-Papa Franġisku kkundanna l-estremiżmu reliġjuż waqt żjara storika li qed jagħmel fl-Iraq fejn il-komunità nisranija ċkienet sew wara l-invażjoni tal-Amerikani tmintax-il sena ilu. Il-Papa qal li l-ostilità, l-estremiżmu u l-vjolenza ma jitwieldux minn qalb reliġjuża . . . . . anzi huma tradituri tar-reliġjon.

Television Malta tkellem ma’ patri Ġiżwita Malti fl-Iraq, Fr Joseph Cassar, li stqarr li s-sentiment fost l-insara hu li dan il-vjaġġ appostoliku se jsolvi l-ħafna problemi li għadda minnhom il-pajjiż, li għad għandu ħafna feriti miftuħa. Qal li l-Papa jrid li jqarreb lil komunitajiet differenti.

“Il-Papa naturalment m’għandux switch li jibdel is-sitwazzjoni mil-lejl għan-nhar, imma jien dejjem nemmen fil-qawwa ta’ Alla, li taħdem fil-qalb tan-nies u f’dak kollu li l-Papa qed jagħmel biex in-nies minn komunitajiet diversi jistgħu joqorbu lejn xulxin.”

Dan hu kliem il-Ġiżwita Fr Joseph Cassar, dwar l-ewwel żjara tal-Papa Franġisku fl-Iraq. Fr Joseph qatta’ l-aħħar ħames snin jaħdem mar-refuġjati li fl-aħħar snin kellhom jiċċaqilqu min-naħa għall-oħra tal-Iraq minħabba t-theddida tal-Istat Iżlamiku. Qal li kull mument tal-vjaġġ appostoliku għandu tifsira unika.

Is-Sibt filgħodu, l-ewwel impenn għal Papa kienet laqgħa storika ta’ 45 minuta mal-mexxej ta’ miljuni ta’ Musulmani Xiti – Ayatollah Ali al-Sistani – li laqgħu fid-dar tiegħu fil-belt ta’ Najaf. Il-Papa appella lill-komunitajiet reliġjużi biex jaħdmu flimkien.

Iż-żjara tal-Papa ssokktat f’Ur, fejn hu maħsub li għex il-patrijarka Abram – missier fil-fidi tal-Insara, l-Lhud u tal-Musulmani. Għal Fr Joseph, dan hu mument ieħor uniku. Rappreżentanti ta’ reliġjonijiet differenti fl-Iraq inġabru flimkien għal servizz inter-reliġjuż, li matulu l-Papa qal li ‘dawk li jemmnu, ma jistgħux jibqgħu siekta meta t-terroriżmu jabbuża mir-reliġjon’. Qal li d-dawl tal-ġenna m’għandux jitħalla jitgħatta mis-sħab tal-mibgħeda.

Fr Joseph irrimarka li mill-invażjoni mmexxija mill-Istati Uniti fl-2003, il-komunità tal-insara fl-Iraq ċkienet minn madwar miljun u nofs għal 250,000. L-insara ħadet daqqa oħra bil-qawmien tal-Istat Iżlamiku, meta eluf ħarbu mill-għawġ u l-periklu fil-belt jew raħal fejn kienu jgħixu u sabu kenn fl-inħawi ta’ Erbil.

”Mill-2003 ‘l hawn l-insara li kienu f’Baghdad u postijiet oħrajn ukoll kien hemm diversi minnhom li ħassew ruħhom meddha u kellhom jaħarbu lejn inħawi oħra tal-pajjiż.”

Fr Joseph ġibed l-attenzjoni li l-Papa mhux qed iżur l-Iraq għall-Insara biss. Il-Papa, il-Ħadd filgħodu se jmur Mosul li tfarket mill-ISIS – fejn se jitlob b’suffraġju għall-vittmi tal-kunflitt.

”Se jitlob fejn knisja antika ħafna u għada mġarrfa. Mhux biss biex jibni l-knisja, imma l-Papa sejjer biex jibni lin-nies, lill-komunità ta’ Mosul mill-ġdid kemm jekk huma Insara u kemm jekk huma oħrajn.”

Żied li l-Papa Franġisku jrid juri li l-Iraq mhux minsi. Fr Joseph temm jgħid li l-frott ta’ din iż-żjara għad irid jidher ‘il quddiem.

”Dawn iż-żjarat nispera li se jħallu xi ħaġa minquxa fil-qalb tan-nies. Naħseb dik hija x-xewqa profonda tal-Papa, xi ħaġa li titnaqqax f’qalb in-nies mhux biss l-Insara għal pajjiż kollu kemm hu – tant miġruħ.”

Il-Ħadd, il-Papa se jiċċelebra quddiesa fl-istadium ta’ Ebril, bil-quddiesa se ssir b’miżuri ta’ prekawzjoni minħabba l-Covid-19. Mal-10,000 persuna mistennija jattendu għal din il-quddiesa.