Mużika
Glen Vella jniedi l-vidjow mużikali ta’ Ħarsa Biss

Tnieda llum il-vidjow mużikali ta’ Ħarsa Biss: il-kanzunetta rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-festival Mużika Mużika. Il-filmati ttieħdu fil-Forti Sant’Anġlu b’teknika li bħalha ma tantx rajna fi proġetti awdjoviżivi lokali.

“Ħarsa Biss” il-kanzunetta interpretata minn Glen Vella li rebħet l-ewwel edizzjoni tal-festival Mużika Mużika issa għandha l-vidjow mużikali tagħha.

“Il-kelma bl-Ingliż hija overwhelmed. Il-quick changes li kelli waqt is-shoot kienet xi ħaġa eċċitanti immens għax konna kontra l-ħin u ridt inbiddel vera malajr imma vera kienet esperjenza tal-ġenn.”

Il-vidjow mużikali inġibed fil-Forti Sant’Anġlu, bix-xogħol awdjo-viżiv ħa sigħat ta’ provi biex it-tim seta’ jipperfezzjona l-koordinament ta’ tibdil fix-xenografija waqt li kienu qed jinġibdu xeni differenti. Dan ġara minħabba li l-vidjow inġibed b’teknika partikolari tal-one-shot u għalhekk kostumi, props, dwal u effetti speċjali nbidlu malajr.

Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Norman Hamilton, qal li permezz ta’ Mużika Mużika sar investiment fl-artist lokali u fil-patrimonju mużikali Malti u b’dan il-video mużikali l-kanzunetta rebbieħa se tilħaq udjenzi ġodda.

“U għaliex se tkompli tgħix? għax il-kanzunetti li instemgħu… dawk l-għoxrin kanzunetti qed jindaqqu fuq ir-radjijiet differenti u social platfoms u permezz ta’ dan il-video mużikali, ħarsa biss se tkompli tgħix.”

Iċ-Chairman tal-Festival Mużika Mużika, Raymond Bugeja qal li hemm il-ħsieb li l-vidjow mużikali tal-kanzunetta jibqa’ jsir f’edizzjonijiet oħra ta’ dan il-festival.

“Biex jagħti aċċent fuq il-kanzunetta rebbieħa u b’hekk ukoll fuq il-festival ġenerali u fuq il-livell tal-mużika nġenerali li hemm f’dan il-festival.”

Ħarsa Biss inkitbet minn Joe Julian Farrugia, b’kompożizzjoni ta’ Philip Vella.