Qorti
Glenn Bedingfield jixhed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia

Issoktat l-inkjesta pubblika fil-qtil tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia, liema inkjesta qed tistħarreġ jekk l-awtoritajiet setgħux jieħdu miżuri biex jevitaw dan id-delitt.

Fis-seduta tal-lum xehed Glenn Bedingfield.

Glenn Bedingfield li ntalab biex jiġi jixhed huwa stess, qal li għamel din it-talba biex jirrispondi għal dak li ddeskriva bħala ġideb li ntqalu fuqu speċjalment għal dak li sejjaħ “il-gideb ta’ Peter Caruana Galizia,” r-raġel tal-vittma.

Qal li ġie jitkellem hawn għaliex ingħatat l-impressjoni li huwa kien parti mill-kumplott li tinqatel is-sinjura Daphne Caruana Galizia. Qal li fil-blog tagħha s-sinjura Caruana Galizia umiljat, għajjret u żebilħet ħafna nies. Qali li s-sinjura Caruana Galizia kellha l-libertà tal-kelma u li kulħadd għandu jgawdi min din il-libertà.

Qal li minkejja l-kitbiet reattivi tiegħu huwa ma kienx qed joħnoq il-valur tal-libertà tal-kelma.

Kompla jgħid li l-unika website li kien responsabli tagħha kienet il-website fuq ismu glennbedingfield.com. Qal li mhux minnu kif qal Peter Caruana Galizia li huwa beda website bl-isem ta’ tasteyourownmedicine.com.

Bedingfield qal li l-blog tiegħu bdieh għaliex ħass li l-Partit Laburista kellu nuqqas onlajn, qal li ħadd ma qabdu jagħmel dan u ma kienx intenzjonat biex isiru attaki fuq persuna waħda.

Qal li s-sinjura Caruana Galizia kienet aggresiva fil-konfront tiegħu u dawk kollha li ma jaqblux magħha.

Qal ukoll li mhux vera kien impjegat fl-OPM biex jattaka s-sinjura Caruana Galizia.  Ppreżenta wkoll lista ta’ nies li kienu attakati fuq il-blog Caruana Galizia qal li minn riċerka li għamel elenka 558 persuna li ġew attakati fuq il-blog inkluż tfal.

Qal li anke tifla tiegħu spiċċat fuq il-blog meta maru fuq btala. Qal li dan ma kellu xejn x’jaqsam mal-ħajja tiegħu.

Is-Sur Bedingfield kompla jgħid li fil-ħin li għamel jikteb fuq il-blog qatt ma sar libell fil-konfront tiegħu.

Il-bord staqsa lix-xhud għalfejn waqaf il-blog, qal li ghamel dan għaliex fl-2017 ġie elett fil-Parlament u għalhekk bl-impenji kollha kellu jieqaf.

Qal li huwa kontra kull forma ta’ vjolenza, qal li kien mdejjaq ukoll meta sar jaf bl-assasinju. Il-bord qed jistaqsi lix-xhud dwar l-atmosfera f’Kastilja meta tħabbar il-mewt, qal li kulħadd kien taħt xokk.

Ix-xhud ġie mistoqsi jekk jaf x’ini ż-żrara fiż-żarbun li kien irrefera għaliha l-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Huwa wieġeb li ma jafx għal xiex beda jireferi.

Mistoqsi x’kienet ir-reazzjoni tiegħu fuq l-allegazzjonijiet li seta’ kien hemm nies oħra involuti fil-qtil mill-Gvern huwa qal li kien ixxokjat. Fuq il-każ tal-Panama Papers is-sur Bedingfield qal li qatt ma saru diskussjonijiet li kien involut huwa fihom dwar dan.

Madanakollu qal li ma kienx kuntent b’dawk l-allegazzjonijiet.

Mistoqsi x’kienet ir-relazzjoni tiegħu mas-sur Schembri ix-xhud qal li kienu kollegi. Il-bord staqsa lis-Sur Bedingfield jekk kienx jara lil Yorgen Fenech Kastilja, b’Bedingfield iwieġeb fin-negattiv. Ix-xhud ġie mistoqsi wkoll dwar blog post li għamel dwar il-laptop tas-sinjura Caruana Galizia, qal li din ma kienetx kitba li qed tallega li kien hemm xi indħil mil-familja fid-delitt. Is-Sur Bedingfield qal li kien jippublika r-ritratti bħal m’għamlet is-sinjura Caruana Galizia fil-blog tagħha, qal li dawn ir-ritratti ma kienx joħodhom hu.

Ix-xhud ġie mistoqsi mill-avukati tal-familja minn kien għażel li jpinġi lis-sinjura Caruana Galizia bħala saħħara. Qal li din kienet deċiżjoni tiegħu u ta’ Dr Luke Dalli. L-avukati staqsewh għalfejn neħħa kompletament il-website tiegħu, is-Sur Bedingfield qal li għamel dan għaliex se jiftaħ website ieħor fuq dak l-isem.

Mistoqsi jekk kienx jaħdem ma’ Keith Schembri b’mod regolari, s-Sur Bedingfield qal li ma kienx jaħdem miegħu u li xogħlu kien li jagħmel koordinament tal-PQ’s.  Ix-xhud ġie mistoqsi mill-bord jekk kellux direzzjoni mill-Gvern biex jikteb fuq Daphne Caruana Galizia qal li dan mhux minnu. Mistoqsi jekk fid-dawl tal-Panama Papers tkellimx fuq il-każ ma’ Konrad Mizzi, s-Sur Bedingfield qal li ma kellux għalfejn jgħidlu huwa li tefa dell ikrah fuq il-Gvern.

Mistoqsi fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ Dr Chris Cardona is-sur Bedingfield qal li għandu relazzjoni tajba.

Ix-xhud ġie mistoqsi meta kellem l-aħħar lil Keith Schembri, qal li għamel dan f’Ottubru li għadda. Mistoqsi bħala membru parlamentari ddiskutewx l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Dr Cardona fil-grupp parlamentari, Bedingfield qal li fil-laqgħat li attenda hu dan is-suġġet ma kienx diskuss.

Hu kien mistoqsi wkoll jekk kienx preżenti għall-diskussjonijiet dwar 17 Black. Is-Sur Bedingfield wieġeb li qatt ma kien involut f’diskussjonijiet.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Ingliż ta’ 56 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident fil-Gżira. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-inħawi magħrufa bħala Manoel Island,…

COVID-19

Il-linja tal-ajru Ryanair qalet fi stqarrija li hekk kif il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea waqqfu t-titjiriet minn u lejn pajjiżhom, dan wassal biex iktar minn 90% tal-ajruplani tagħha mhumiex jintużaw. Qalet…

COVID-19

Inġiniera mill-Università ta’ Malta qed jibnu apparat li jiddiżinfetta l-maskli, bil-għan li dawn ma jintużawx darba biss u jintremew. Qalet dan fi stqarrija l-Università ta’ Malta, li saħqet li dan…

COVID-19

HSBC Bank Malta nieda serje ta’ miżuri addizzjonali biex dejjem aktar jappoġġja lin-negozji milquta b’mod negattiv mit-tixrid tal-Covid-19.  Dawn il-miżuri ġodda tfasslu speċifikament għal dawk il-klijenti li qegħdin jiffaċċjaw tfixkil…

Aktar