Barranin
Ġlied bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan fuq ir-reġjun Nagorno-Karabakh

Il-forzi tal-Armenja u l-Ażerbajġan qed jiġġieldu dwar ir-reġjun Nagorno-Karabakh, u twaqqa’ tal-inqas ħelikopter wieħed tal-Ażerbajġan.

L-Armenja qalet li l-Ażerbajġan beda jattakkaha mill-art u mill-ajru u wara ddikjarat l-liġi marzjali.

Min-naħa tiegħu, l-Ażerbajġan qal li kien qed jirrispondi għal attakk tal-Armeni.

Iż-żewġ naħat irrappurtaw il-mewt ta’ ċivili.

Il-kunflitt li ilu għaddej, reġa’ intensifika fl-aħħar xhur.

Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan wiegħed l-appoġġ ta’ pajjiżu għall-Ażerbajġan u qal li l-Armenja hija l-akbar theddida għall-paċi u t-trankwilità fir-reġjun.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tar-Russja sejjaħ għal waqfien immedjat mill-ġlied u għal taħditiet għal stabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni.

Kemm l-Armenja kif ukoll l-Ażerbajġan kienu parti mill-ex Unjoni Sovjetika qabel din falliet fl-1991.