Lokali
Ġlieda fuq parkeġġ tħalli wieħed bla suba’

Miodrag Simonovic, Serb ta’ 39 sena li jaħdem bħala xufier ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li l-Ħadd kien involut f’argument ma’ Malti dwar parkeġġ f’San Pawl il-Baħar.

L-argument inqala’ għall-ħabta tat-tlieta ta’ waranofsinhar fi Triq il-Port Ruman meta żewġt irġiel bdew jargumentaw dwar parkeġġ vojt fit-triq.

Wieħed minnhom beda jisħaq li l-parkeġġ jitħalla vojt għal tow truck li ssejjaħ fuq il-post. Il-qiegħa kompliet tisħon tant li ż-żewġt irġiel ġew fl-idejn, bis-Serb allegatament gidem is-suba’ tal-Malti.

Id-difiża mmexxija mill-Avukat Daniel Attard talbet għall-ħelisen mill-arrest wara li argumentat li s-Serb ilu 11-il sena jgħix f’pajjiżna u qatt ma xellef difru mal-ġustizzja.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Godwin Scerri m’oġġezzjonatx għat-talba tal-ħelsien mill-arrest. Huwa spjega wkoll li l-akkużat ġarrab xi ġrieħi fil-ġlieda u jistgħu jittieħdu passi kriminali wkoll kontra l-Malti li dak il-ħin kienet qed issirlu operazzjoni l-isptar.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ €10,000. Huwa ġie ordant ukoll jiffirma l-għassa kuljum u ma joħroġx minn daru bejn il-11.00 p.m. u s-6.00 a.m.

Huwa ġie ordant ukoll biex ma jersaqx lejn ix-xhieda u wissietu biex bl-ebda mod ma jersaq lejn il-vittma sakemm tingħata s-sentenza.