“Glitch Festival” fil-Buskett f’nofs kontroversja

Birdlife Malta u l-Kaċċaturi ngħaqdu flimkien u appellaw lill-awtoritajiet biex iwaqqfu rave party li qed isir bħalissa fil-Buskett u li għalih qed jattendu eluf ta’ żgħażagħ Maltin u barranin. Iż-żewġ organizzazzjonijiet qalu li l-mużika għolja li bdiet tinstema’ lbieraħ mill-kumpess Chateau fil-Buskett, iddisturbat qatgħa kbira ta’ Astun Iswed (Black Kites) li kienu osservati jfittxu kenn fl-inħawi biex isibu post fejn iqattgħu l-lejl.
glitch1Ingħad li l-għasafar li kienu jgħoddu madwar 60 ġew iddisturbati meta bdiet tindaqq mużika għolja bi tħejjija għal dak li jidher li hu party kbir li qed jiġi organizzat bejn ilbieraħ u llum.
Birdlife fakkret li l-Buskett jagħmel parti min-netwerk ta’ siti protetti Natura 2000 u qed isir investiment bil-għan li tibqa’ tikber u titkattar aktar il-biodiverstià f’dan il-post. Qalet li l-parties imorru għalkollox kontra l-ispirtu ta’ riserva naturali. Ħeġġet lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi biex tinvestiga dak li ġara lbieraħ fil-Buskett u ttamat li tinstab soluzzjoni kemm jista’ jkun malajr għal din il-kwistjoni.
Min-naħa tagħha, il-Kaċċaturi San Ubertu staqsiet kif inħareġ il-permess għal dan il-festival mużikali fl-eqqel tal-istaġun tal-passa u talbet lill-awtoritajiet biex jieħdu passi immedjati biex iħarsu r-riserva naturali mill-istorbju.
Glitch, l-organizzatur tal-party ddeskrivew il-festival bħala avventura intima fuq jumejn b’line-up ta’ kwalità. Ilbieraħ daqq DJ Gesaffelsteinn, DJ ta’ fama internazzjonali Franċiż u llum mistenni jissokta bis-sehem ta’ DJs oħrajn, bħal DJ Ben Klock, Virginia u Leni Faki.

Ara wkoll: http://www.tvm.com.mt/mt/news/l-fknk-issejjah-kontroversja-bla-bzonn-dik-dwar-il-glitch-festival/?src=hm