Lokali
Ġnien kbir fil-Marsa se jinqala’ mill-qiegħ b’nefqa ta’ €2 miljun

Ġranet wara l-mewt ta’ Guido Lanfranco li f’ħajtu ħadem qatiegħ biex jippromwovi l-kultura, il-folklor u l-istorja naturali ta’ Malta; tħabbar li ġnien fil-Marsa li se jiġi riġenerat se jissemma għalih. Ix-xogħol f’dak li sal-lum hu Ġnien Spencer mifrux fuq għaxart’itmien art se jibda fil-ġimgħat li ġejjin bil-ħsieb li jinbidel f’oasi ta’ ambjent naturali f’żona mill-aktar urbana.

Ġnien Spencer fil-Marsa se jinqala’ mill-qiegħ fi proġett ta’ riġenerazzjoni maħsub li joffri esperjenza tan-natura fil-qalba ta’ lokalità mill-aktar urbana. Il-proġett li mistenni jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla se jsir b’investiment ta’ żewġ miljun ewro li se jiġu finanzjati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorżi, l-ERA, u Ambjent Malta.

Ix-xogħlijiet se jinkludu l-istallazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà fosthom kameras, aċċessibilità aħjar, it-tneħħija ta’ speċi invażivi u minflok jitħawwlu speċi indiġeni u elementi ta’ tisbiħ fost oħrajn bl-użu tal-ilma.

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, Aaron Farrugia qal li bħala parti mill-proġett se jinbnew tliet mixtliet tas-siġar biex jitkabbar ammont ta’ siġar lokali li jkunu jistgħu jintużaw fi proġetti oħra ta’ tisbiħ ambjentali.

“Se jkun hawn spazju ta’ ‘l fuq minn 10 itmiem art li sallum mhix utilizzata tajjeb u allura l-pjan li nitrasformawh fi ġnien li jilqa’ lill-familji, lill-ħaddiema u lit-tfal tagħna.Se jkun hawn l-element tal-ilma, sigurtà kif ukoll proġett sostenibbli għax se jkun hawn ġwiebi kif ukoll pannelli fotovoltajċi li jagħmlu l-proġett sostenibbli għall-aħħar.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-ERA, Michelle Piccinino, qalet li dan il-ġnien se jissemma għal Guido Lanfranco għax se jirrappreżenta dak li tant kien għal qalbu – l-importanza tal-ambjent naturali u t-twaħħid tiegħu mas-soċjal. Is-Sur Lanfranco ħoloq għarfien fost il-poplu għall-ħtieġa tal-protezzjoni tal-ambjent u trasmetta din il-passjoni lil bosta nies u wasslet għall-ħolqien ta’ istituzzjonijiet ambjentali fil-pajjiż.

“Proġett li għandu l-intenzjoni li jikkrea oasi ambjentali naturali f’żona li hija pjuttost urbana u mpatata qawwi mill-industrija u mit-traffiku. Il-proġett għandu jkun ta’ benefiċċju għall-komunitajiet, billi jqarreb in-natura eqred tal-post fejn dawn jgħixu u jirrikrejaw irwieħhom.”

Il-ġnien mhux biss se jinkludi aspetti ta’ tisbiħ innovattivi fosthom b’ħajt aħdar li jnaqqas il-ħsejjes biex joffri esperjenza aħjar lil min iqatta’ ħin hawnhekk, iżda wkoll bosta faċilitajiet bħal Wi-Fi u se jkun iddisinjat biex jilqa’ fih attivitajiet varji.