Ambjent
Ġnien vertikali ekwivalenti għal 28 siġra jħaddar iż-żona industrijali ta’ Kordin

Parti miż-żona industrijali ta’ Kordin tħaddret bi ġnien vertikali li skont studji xjentifiċi hu ekwivalenti għal 28 siġra.

Il-Ministri Aaron Farrugia u Silvio Schembri qalu li dawn il-proġetti se jinfirxu f’żoni industrijali oħrajn u fl-irħula u l-komunitajiet permezz ta’ skema ġdida ta’ żewġ miljun ewro mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Parti sew mill-faċċata ta’ fabbrika fiż-żona industrijali ta’ Kordin inbidlet fi ġnien vertikali wara investiment ta’ €150,000 minn Ambjent Malta.

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija, Silvio Schembri qal li din l-inizjattiva hi parti minn proġett pilota ta’ nofs miljun ewro fiż-żoni industrijali ta’ Kordin, il-Mosta u l-Marsa.

“Fejn is-soltu ż-żoni industrijali konna nassoċjawhom mad-dħaħen u attività ekonomika biss, b’dan irridu naraw li anke minn sempliċiment ħajt ta’ fabbrika li diġà qiegħed hemmhekk nistgħu noħolqu ġnien vertikali, li mhux biss estetikament huwa sabiħ, iżda wkoll joffri benefiċċji li jammontaw għal numru ta’ siġar tant li dawn it-tliet proġetti pilota jammontaw għal fuq minn 105 siġra matura,” qal il-Ministru Schembri.

Il-Ministru Schembri qal li bi ftehim ma’ INDIS, dawn il-proġetti se jsiru wkoll fil-crafts village Ta’ Qali, Ta’ Dbieġi u l-Malta Industrial Parks.

Il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia qal li l-ġonna vertikali joħolqu ambjent isbaħ, ittejbu l-kwalità tal-arja u jnaqsu l-ħsejjes li joħolqu attivitajiet industrijali.

“B’hekk anke dawk li jaħdmu hawnhekk ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, infakkar li issa se nimxu għal għonq it-triq biex b’hekk inħaddru wkoll il-faċċati tad-djar tal-familji mill-iskema green facades se jkollna żewġ miljun ewro ta’ investiment mill-PA biex b’hekk il-familji jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-ġonna vertikali li għandna fil-pajjiż,” qal il-Ministru Farrugia.

Il-Ministru Farrugia ħeġġeġ lill-kunsilli lokali biex jidħlu għal proġetti ambjentali permezz ta’ diversi skemi ta’ Ambjent Malta kif ukoll tal-Fond għall-Iżvilupp tal-Ippjanar tal-Awtorità tal-Ippjanar.