Teknoloġija
GO tinvesti €25 miljun fit-tielet cable taħt il-baħar

Il-Prim Ministru Robert Abela kien preżenti għat-tnedija ta’ €25 miljun investiment li se tagħmel il-kumpanija GO fuq it-tielet cable taħt il-baħar.

Il-cable, li l-kumpanija se ssemmih La Valette, se jkun qed jifforma parti mill-proġett globali PEACE (Pakistan East Africa Connecting Europe), proġett multi-miljunarju ta’ konnettività li jikkonsisti f’cable taħt il-baħar bil-għan li jgħaqqad pajjiżi minn madwar id-dinja.

It-tul kollu tal-cable taħt il-baħar huwa ta’ 12,000 km li 3,785 km minnhom ikopru biss il-parti tas-sistema fil-Mediterran.

Il-proġett, li se jdum 30 xahar u għandu jibda jopera fi Frar 2022, jgħaddi mill-Pakistan, il-Kenja, l-Eġittu, Ċipru, Franza, l-Arabja Sawdita u Singapore.

Il-Prim Ministru faħħar lill-kumpanija GO talli qed tkompli ssaħħaħ il-fiduċja tagħha f’Malta b’investiment ta’ €100 miljun fl-infrastruttura diġitali għall-ħames snin li ġejjin.

Abela qal li d-deċiżjoni li ħadet GO hija eżempju konkret ta’ kif is-settur privat jantiċipa li jkollu futur mill-isbaħ f’pajjiżna.

Il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri faħħar dan il-proġett u rrimarka li fi żmien meta d-domanda għall-konnettività żdiedet drastikament Malta wriet aktar minn qatt qabel il-potenzjal tagħha u dak li toffri.

Huwa qalli l-għan tal-Gvern huwa li Malta tkun pajjiż diġitali fejn ħadd ma jibqa’ lura u sostna li matul dawn l-aħħar ħames snin kienu investiti ’l fuq minn €100 miljun fl-infrastruttura diġitali ta’ Malta.

It-tmexxija ta’ GO spjegat li b’dan il-proġett il-kumpanija se tkun l-ewwel operatur f’Malta li se jkollu konnessjoni internazzjonali ma’ iżjed pajjiżi minn barra l-Italja kif hemm sa issa.

Il-fatt li dan il-cable jinsab fil-Punent tal-gżira jagħmel lil GO l-ewwel u l-uniku operatur b’konnessjoni internazzjonali li mhix ħierġa mill-Lvant tal-gżira.