Barranin
Google iwissi li se jwaqqaf l-għodda tat-tiftix fl-Awstralja jekk tgħaddi liġi ġdida

Google qed iwissi li lest iwaqqaf l-għodda tat-tiftix għall-utenti fl-Awstralja jekk il-Gvern Awstraljan jibqa’ għaddej bil-pjani li jintroduċi liġi ġdida.

Permezz ta’ din il-liġi, Google ikun obbligat jikkumpensa lill-organizzazzjonijiet tal-midja għall-aħbarijiet li jitilgħu fl-għodda tat-tiftix tiegħu.

Google qal li mhux qed jara mod kif se jkun jista’ jopera b’din il-liġi, li qal li mhix konsistenti mal-mod kif jaħdem l-internet u mat-tixrid ħieles tal-informazzjoni. Google isostni li mill-aħbarijiet ftit li xejn għandu benefiċċju kummerċjali.

Mill-banda l-oħra l-Gvern Awstraljan jemmen li Google jiġbed lejh klijenti li jkunu jridu jsegwu l-aħbarijiet, u għalhekk il-kmamar tal-aħbarijiet għandhom jingħataw kumpens ġust tax-xogħol ġurnalistiku, li huwa essenzjali għad-demokrazija.

Il-Gvern qed isostni li dan id-dħul huwa importanti għall-kumpaniji tal-midja li jinsabu taħt pressjoni finanzjarja hekk kif tilfu ħafna reklamar, b’uħud minnhom li kienu sfurzati jagħlqu.

Dan fl-istess waqt li r-reklamar għal Google sejjer tajjeb ħafna, fejn minn kull $100 Awstraljan li jintefaq f’reklami diġitali, $81 imorru għand Google u Facebook.