Gordon Cordina: Il-piż tat-taxxi qed imur ‘il bogħod minn min qiegħed jaħdem

L-ekonomista Gordon Cordina qal li l-kontinwità u l-stabbilità huma għanijiet importanti li kull budget għandu jkollu. Fir-reazzjoni tiegħu għall-Budget 2015 huwa qal li fil-każ ta’ Malta huwa mportanti li d-deficit tal-pajjiż jinżamm f’livell li ma jikbirx aktar mit-tkabbir ekonomiku ħalli b’hekk ikun zgurat li d-dejn tal-gvern ikun sostenibbli għall-futur.

Dr Cordina qal li hija ħaġa tajba li l-piż tat-taxxi qed imur ‘il bogħod minn min qiegħed jaħdem għax mhux ġust għall-ekonomija li x-xogħol ikun intaxxat. Sostna li x-xogħol anzi jrid ikun inċentivat. Qal li t-taxxi minflok għandhom ikunu fuq il-konsum bħal per eżempju affarijiet li huma ta’ dannu għas-saħħa u affarijiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Żied li b’hekk ikunu qed jintlaqtu żewġ għasafar b’ġebla waħda.

L-ekonomista Gordon Cordina faħħar il-punt li l-għajnuna li ngħatat biex tpatti għaż-żieda żgħira ta’ 58ċ għall-għoli tal-ħajja, ingħatat lil dawk il-familji li qed jaqilgħu l-inqas. Dr Cordina qal li filwaqt li l-benefiċċji soċjali hemm bżonnhom biex iżżomm is-soċjetà ‘il bogħod mill-faqar, ma jistgħux ikun ta’ piż għall-gvern b’tali mod li ma jkunx jista’  jgħin lil min l-iktar għandu bżonn jew li jieħdu riżorsi mingħand il-gvern b’tali mod li jistgħu jintużaw aħjar biex ikattar ix-xogħol. Sostna li min qed jabbuża mill-benefiċċji soċjali għandu jigi diżinċentivat u projbit milli jkompli jabbuża. Għaldaqstant huwa mportanti li dawn in-nies jingħataw stili ta’ ħajja alternattivi, żied jgħid l-ekonomista Gordon Cordina filwaqt li qal li huwa mportanti kif dan il-pass se jiġi mplimentat.

Huwa faħħar ukoll il-kunċett ta’ sħubija bejn il-gvern u l-privat u qal li l-pajjiż irid jitfa’ aktar ir-responsabilità għat-tkabbir ekonomiku dejjem iktar fuq is-settur privat inkluż għall-użu tal-fondi Ewropej. Qal li dan għandu japplika wkoll għas-servizz tas-saħħa li filwaqt li sostna li għandu jibqa’ jingħata b’xejn, spjega li permezz ta’ Public Private Partnership, wieħed għandu jibda jara t-tip ta’ effiċjenza u tnaqqis fil-ħela li wieħed jistenna li jiġri fis-settur privat.

Dr Cordina qal li filwat li l-budget qed jipprova jindirizza diversi bżonnijiet ekonomiċi u soċjali tal-pajjiż, hemm ukoll diversi setturi li f’dan il-budget mhumiex indirizzati direttament, iżda qal li qed jibbenefikaw minn diversi programmi oħra li jkunu għaddejjin fil-pajjiż.  Filwaqt li semma l-manifattura u intrapriżi kbar fost l-ezempji, Dr Cordina temm jgħid li dawn għandhom ukoll l-isfidi tagħhom li wieħed irid jindirizzhom ħalli jibqa’ jsostni dawn is-setturi li ukoll jiġġeneraw l-impjiegi.