Ekonomija u Finanzi
Gordon Cordina nominat bħala Chairman tal-bord tal-BOV

Il-gvern innomina lil Dr Gordon Cordina bħala Chairman tal-Bord tal-Bank of Valletta.

Dan tħabbar mill-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar, li fi stqarrija qal li l-ħatra ta’ Dr Cordina hi suġġetta għal approvazzjoni regolatorja, u se tidħol fis-seħħ mis-7 ta’ Ottubru 2020. Dan peress li Dr Cordina jrid jagħmel 6 xhur perjodu ta’ preklużjoni minħabba l-ħatra riċenti tiegħu bħala wieħed mid-diretturi fil-Bord ta’ HSBC Malta Ltd.

Matul dawn is-6 xhur, is-Sur Alfred Lupi se jkun nominat bħala Chairman interim.

Intqal li l-Bank of Valletta se jkun qed jaħdem mill-qrib mal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta biex ikun infurmat il-Bank Ċentrali Ewropew b’dawn n-nominazzjonijiet, bil-għan li jkunu konklussivi l-proċeduri meħtieġa ta’ vvettjar  qabel il-laqgħa ġenerali annwali tal-Bank.

Dr Gordon Cordina hu fost l-ekonomisti ewlenin fil-gżejjer Maltin b’esperjenza professjonali mifruxa fuq 25 sena fil-qasam bankarju, tfassil ta’ politika, akkademja u konsulenza fis-settur privat. Hu gradwa mill-Università ta’ Cambridge u mill-Università ta’ Malta. L-oqsma ewlenin tiegħu ta’ interess akkademiku huma t-tkabbir u d-dinamika ta’ ekonomiji makro li qed jaffaċċjaw ekonomiji li huma suġġettibbli għal riskji kbar.

Dr Cordina għandu snin ta’ esperjenza fil-Kumitat tal-Bord u Riskju f’istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin f’Malta. Serva bħala manager tad-Dipartiment tar-Riċerka fi ħdan il-Bank Ċentrali ta’ Malta, Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ta’ Malta, Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fi ħdan l-Università ta’ Malta u konsulent ekonomiku għall-Kunsill Malti għall-Ekonomija u Żvilupp Soċjali.

Permezz ta’ kumpanija privata dwar konsulenza li waqqaf fl-2006, Dr Cordina hu involut f’numru ta’ proġetti ta’ riċerka lokali u internazzjonali u ta’ assessjar ta’ konsulenza ma’ istituzzjoni inklużi l-Kummissjoni Ewropea, ministeri tal-gvern u awtoritajiet, NGOs u entitajiet fi ħdan is-settur privat. Dr Gordon Cordina hu wkoll lettur fi ħdan l-Università ta’ Malta.