Storja
Ġrajja mdemmija ta’ 100 sena ilu titfakkar b’wirja fil-Parlament

Dokumenti storiċi u tifkiriet mill-ġrajja tas-7 ta’ Ġunju 1919 jinsabu għall-wiri fil-bini tal-Parlament f’waħda mill-inizjattivi li qed jittieħdu biex jitfakkar il-mitt sena minn din il-ġrajja mdemmija, li wasslet biex l-Assemblea Nazzjonali fasslet it-talbiet għal Kostituzzjoni ġdida.

Sentejn wara, fl-1921, Malta ngħatat kostituzzjoni ta’ Gvern responsabbli, bil-Maltin saru responsabbli għall-affarijiet interni u twaqqaf l-ewwel Parlament Malti.

Il-wirja fil-Parlament ġiet inawgurata ftit tal-ħin ilu u għandha bħala tema “Kulħadd għall-Belt”.

F’ċerimonja quddiem il-Parlament, l-Ispeaker Anġlu Farrugia tkellem dwar l-importanza tad-dritt tal-vot għan-nisa u għaż-żgħażagħ ta’ 16-il sena li qal huwa xhieda li d-demokrazija mhijiex statika iżda teħtieġ li tevolvi biex tirrifletti r-realtajiet tal-ħajja.

Dr Farrugia qal, li minkejja li d-dritt tal-vot mhuwiex obbligatorju, huwa dmir ċiviku li għandu jeżerċitah kulħadd. “Dawk il-persuni li jagħżlu li ma jeżerċitawx dan id-dritt ikunu qed jikkuntrastaw mhux bi ftit mal-ħeġġa li wrew missirijietna meta fl-1919 irrispondew għall-għajta ‘Culhat Al Belt’, u li saħansitra kien hemm min tilef ħajtu għal dan id-dritt.”

Dwar it-theddida tal-fake news, Dr Farrugia appella lill-mezzi tax-xandir biex iwasslu l-aħbarijiet b’mod korrett biex il-poplu jixtarr dak li qegħdin jagħmlu r-rappreżentanti tiegħu u jeżerċitaw id-dritt tal-vot fuq il-fatti aktar milli fuq simpatiji.

L-Aġent Prim Ministru, Chris Fearne, qal li l-pożittività li wrew il-Maltin fis-7 Guigno għandha sservi ta’ mudell għall-politika tal-lum. Dr Fearne qal li fl-anniversarju tal-100 sena ta’ din il-ġrajja appella biex il-politiċi jġeddu l-impenn tagħhom għal politika ta’ pożittività.

“Il-poplu tagħna jrid il-pożittività. Ma jridx partiġjaniżmu sfrenat, firdiet, ħela ta’ ħin, ma jridx negattività. Irid il-pożittività biex jaħdem, imur ‘il quddiem u biex dejjem iserraħ rasu mill-preżent u l-futur,” qal l-Aġent Prim Ministru.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qal li din il-ġrajja storika hi waħda mit-tifkiriet li jgħożż il-poplu Malti. Dr Delia qal li s-simboliżmu li rridu nisiltu mill-ġrajja tas-Sette Giugno hu s-sempliċità ta’ dak li kienu jirrappreżentaw in-nies, fosthom il-ħobża ta’ kuljum u l-kundizzjonijiet ħżiena fil-postijiet tax-xogħol.

“Fil-politika m’għandna ninsew qatt li qegħdin hawn biex inservu, ma ninsew qatt li dmirna lejn il-pajjiż, in-nazzjon u lejn dawk li jabitaw fih. Jien nieħu pjaċir infakkar dan il-jum u nfakkru li fil-politika qegħdin hawn biex inservu u n-nies għandhom l-iktar għajta, saħħa, kmand fuqna lkoll,” qal il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Biex titfakkar din il-festa nazzjonali, ġiet inawgurata wirja fil-bini tal-Parlament b’kollaborazzjoni bejn il-Parlament, il-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali u Heritage Malta.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

F’konferenza stampa l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ħabbar li fit-tmintax ta’ Diċembru se jiġi separat l-irwol tal-Avukat Ġenerali hekk kif Dr. Victoria Buttigieg se tibda r-rwol ġdid tagħha bħala l-ewwel avukat…

Qorti

Raġel ta’ 31 sena miż-Żurrieq ġie ordnat iħallas kumpens t’iktar minn €114,000 wara li nstab responsabbli għall-mewt ta’ tifla ta’ 10 snin f’inċident tat-traffiku. L-inċident seħħ f’Lulju tal-2010 fi Triq…

Lokali

L-Għaqda Mużikali Sant’Andrija ta’ Ħal Luqa f’dawn il-jiem kellha l-privileġġ li tesebixxi ħiliet artistiċi ta’ membri tagħha f’Ruma u fil-Vatikan. Bandisti jdoqqu marċi u għanjiet tal-Milied fi Pjazza San Pietru…

Lokali

Fil-Qorti dalgħodu quddiem l-Imħallef Francesco Depasquale, l-ex Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi naqas milli jippreżenta kopja tar-Rapport tal-Evalwazzjoni dwar il-ftehim li bih il-Vitals Global Healthcare ħadu t-tmexxija tal-isptarijiet. Iktar kmieni din…

Aktar