Annimali
Granċ aljen jinstab f’Malta għall-ewwel darba

Granċ li l-ispeċi tiegħu toriġina fl-Oċean Atlantiku u l-Golf tal-Messiku nstab għall-ewwel darba fl-ibħra Maltin.

Kienet l-Università ta’ Malta li ħabbret is-sejba f’pajjiżna tal-ispeċi Atlantic blue crab li l-isem xjentifiku tiegħu huwa Callinectus sapidus.

Din l-ispeċi ntlemħet għall-ewwel darba fil-Mediterran fl-1940, fil-baħar Adriatiku, u hija meqjusa bħala waħda mill-iktar invażivi.

L-ispeċi daħlet fl-ibħra Ewropej permezz tal-‘ballast water’, ilma ħelu jew tal-baħar li jinżamm fil-vapuri biex jagħtihom stabilità l-aktar meta ma jkollhomx merkanzija fuqhom.

Il-Professur Alan Deidun, espert fl-ambjent marittimu, qal li għadu kmieni biex jingħad jekk din l-ispeċi ta’ granċ kinitx se tiżdied fin-numru tagħha fl-ibħra lokali.