Lokali
Corazon tirrakkonta kif donaturi tad-demm salvawlha ħajjitha

Lejliet il-jum dinji tad-donaturi tad-demm ilbieraħ, sebat irġiel u ħames nisa ngħataw ġieħ f’ċerimonja fil-Palazz ta’ Sant Anton għax huma fost l-aktar donaturi ġenerużi tad-demm.

Fiċ-ċerimonja esperjenzi kommovenenti mill-benefiċjari tad-donaturi tad-demm, fosthom il-kantanta Corazon Mizzi u Janet Micallef, li llum qed jgħixu grazzi għad-demm ta’ donaturi li altruwistikament taw id-demm mingħajr ma stennew xejn lura.

“L-iktar dwejjaq li tara meta tara lil ommok u missierek imweġġgħin għax jgħidulek li ser nitilfu lit-tifla. Ommi u missieri diġa’ tilfu lil ħija meta kellu sena u jien niftakar – għalkemm kelli ħames snin l-uġigħ li rajt f’għajnejhom meta tlift lil ħija. Ħsibt li ser jerġgħu jgħaddu minnu dak il-ħin li qaluli inti għandek kanċer,” irrakontat Janet.

B’dan il-kliem Janet Micallef qalet grazzi minn qiegħ qalbha lil grupp ta’ donaturi regolari tad-demm, li lejliet il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm il-ġest tagħhom ġie rikonnoxxut f’ċerimonja mill-President Marie Louise Coliero Preca.

Ma’ TVM, Janet Micallef qalet li m’għandhiex kliem biżżejjed biex trodd ħajr lil bosta donaturi tad-demm, li lanqas biss tafhom li bid-demm tagħhom għadha tgħix wara li seba’ snin ilu nħakmet mill-marda tal-leukemia.

“Lanqas ngħodd kemm-il pakkett tad-demm ħadt għax titlef ħafna demm. Ikunu qed jagħtuk il-kura bux joqtlulek iċ-ċelloli tal-kanċer imma kollox imut. Mhux il-kanċer biss anke ċ-ċelloli tajbin allura dak kien jirrigwardja ħafna trasfużjonijiet tad-demm. Minn hawn ngħdilhom grazzi – alla ħares ma kenux huma għax kieku t-tifel m’għandux omm x’tieħu ħsiebu, u ommi u missieri m’għandhomx bint xi jkomplu jgawdu,” qalet Janet.

Janet mhix waħedha li hija grata għad-donaturi tad-demm. Bħalha l-kantanta Corazon Mizzi.

“Kelli bżonn urġenti ta’ demm. Ħafna boroż ta’ demm – ta’ demm rari u sibthom hemm hekk id-donaturi tad-demm biex jgħinuni u meta ħriġt mill-operation u qaluli li kieku ma kinux għal dawk il-boroż ta’ demm kieku inti m’għadekx magħna. Inqis li llum għandi 3 snin ta’ ħajja gratis; għandi tliet snin mogħtija b’rigal,” qalet Corazon.

Il-President Coleiro Preca ddeskriviet lid-donaturi tad-demm bħala eroj tal-ħajja għax bil-ġest altruista tagħhom isalvaw il-ħajjiet. Ir-rikonoxximent mill-istat lid-donaturi li jkunu ddistingwew ruħhom bid-donazzjonijiet spissi tad-demm, beda fl-2015. Sa minn dakinhar ġew rikonoxxuti 60 persuna li huma donaturi regolari tad-demm.

Id-Direttur Mediku tas-Servizz Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-demm, Dr Alex Aquilina qal li medja ta’ 30 pazjent kuljum jibbenefikaw mill-għoti tad-demm. Fil-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm, is-Servizz Nazzjonali għat-Trasfuzjoni tad-Demm appella għal iżjed donaturi għaliex qal li r-riserva tad-demm ta’ kull tip tinsab f’livell baxx.

Aħbarijiet Oħra
Elezzjoni

F’attività politika fil-Mellieħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar l-Istrateġija Nazzjonali tal-Isport li tnediet aktar kmieni matul il-ġurnata. Qal li u jemmen li hemm potenzjal kbir f’dan is-settur u għalhekk…

NGOs

Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura hub modern u tal-għola standards fil-Marsa msejjaħ The Meeting Place li ser isservi biex ikollhom spazju fejn jiltaqgħu l-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fl-oqsma tal-edukazzjoni,…

Elezzjoni

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-iskema biex jingħataw ħlasijiet lill-eluf ta’ ħaddiema approvata mill-Kabinett saret biex issir ġustizzja ma’ iktar ħaddiema f’diversi oqsma fosthom ex ħaddiema…

Elezzjoni

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li, għal dan il-Gvern, Għawdex mhuwiex prijorità. Waqt attività politika fin-Nadur Ghawdex illejla, Dr Delia sostna li hemm kuntrast qawwi mal-investiment li kien għamel…

Aktar