Grawnd f’Ħal Tarxien se jissemma għall-Kuntistabbli Mark Farrugia

Se tingħata dehra ġdida lil Ġnien Veliko Turnovo f’Ħal Tarxien bil-għan li n-nies tal-lokal igawdu dan l-ispazju miftuħ għar-rilassament.

Barra minn hekk, Tarxien Rainbows se jkunu jistgħu jużaw il-ground tal-futbol li se jiġi rranġat biex jitħarrġu t-tfal tan-nursery waqt li f’ħinijiet oħrajn tal-ġurnata se jkun miftuħ biex tfal oħrajn ikunu jistgħu jużawh biex jipprattikaw l-isport favorit tagħhom.

Il-ġnien Veliko Turnovo f’Ħal Tarxien se jiġi rranġat fi spazju miftuħ. Dan il-post se jingħata l-ħajja bi ġnien, bandli u grawnd tal-futbol tal-5-a side li se jkunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku.

Dan il-proġett se jsir b’investiment ta’ €90,000 u li huwa ffinanzjat minn Komunità Malta.

Is-Sindku ta’ Ħal Tarxien, Joseph Abela, esprima sodisfazzjon li b’dan il-proġett it-Tarxiniżi, b’mod speċjali, se jkunu jistgħu jgawdu minn spazju aktar aċċessibbli.

“Jekk Alla jrid ħa jkollna trasformazzjoni kbira tad-dawra kollha tal-ġnien, b’disinni, bandli ġodda għat-tfal kif ukoll ħa nirranġaw l-istruttura tal-grawnd tal-5-a side. Dan il-grawnd ilu żmien magħluq jiġifieri rnexxielna b’dawn il-fondi ħa nirranġawh. Ħa jibbenefika t-Tarxien Rainbows – filgħodu ħa jkun jista’ jintuża għan-nursery imbagħad forsi ħa jkun jista’ jintuża mill-kunsill għal attivitajiet soċjali u attivitajiet fiżiċi”.

Il-grawnd, li se jitwaħħallu wiċċ ġdid, se jissemma għall-Kuntistabbli Mark Farrugia li nqatel waqt li kien qed jaqdi dmiru f’Ħal Tarxien f’Marzu 1999.

Fi żjara li għamel il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li dan huwa proġett ieħor ta’ spazju miftuħ għal kulħadd.

Huwa spjega li l-kunsill għandu ħsieb li l-grawnd iħallih miftuħ f’xi ħinijiet bil-għan li t-tfal jiġu jilgħabu jew jitħarrġu fl-isport favorit tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat fisser li fi gżiritna hawn għatx għal aktar spazji ħodor miftuħa.

Huwa qal li minbarra dan l-investiment fil-qalba tal-komunità qed isiru proġetti oħra ta’ tisbiħ fosthom l-installazzjoni tad-dawl fl-Imdina.