Eurovision
“Grazzi minn qalbi talli emmintu fija”

Wara stennija kbira, b’libsa lewn il-fidda, dalgħodu Destiny spikkat fit-tieni prova tagħha, fuq il-palk tal-Eurovision f’Rotterdam. F’kummenti lil Television Malta qalet li tinsab kuntenta u ferħana bl-eżitu tal-wirja li tat fuq il-palk u stqarret li ħassitha iktar kunfidenti u sodisfatta li biddlet il-libsa. L-impatt li qed tħalli l-ambaxxatriċi Maltija wassal biex Destiny tinsab fost il-favoriti mal-kumpaniji tal-imħatri wara li temmet it-tieni prova tagħha fil-Eurovision Song Contest.

Enerġetika, kunfidenti għall-aħħar u b’ħakma liema bħalha tal-palk.

Dalgħodu, Destiny kellha t-tieni prova fuq il-palk tal-arena Ahoy f’Rotterdam l-Olanda, ħamest ijiem bogħod mill-ewwel semifinali tal-Eurovision Song Contest.

Wara l-prestazzjoni li tat dalgħodu, viżibbilment fis-seba’ sema, fl-ewwel reazzjoni tagħha malli niżlet minn fuq il-palk Destiny qalet li tinsab sodisfatta bil-prova tal-lum.

“Għadni kif inżilt mit-tieni rehearsal tiegħi u ninsab verament kuntenta u ferħana kif diġà għedt qabel Oh My God trid tkun fuq l-istage biex tħoss dak li qed nipprova niddeskrivi.”

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Rotterdam, Destiny stqarret fost l-oħrajn li dalgħodu ħassitha marret ħafna aħjar mill-ewwel prova għax drat il-palk. Żiedet tgħid, li ħassitha aktar komda wkoll peress li biddlet il-libsa.

Iktar tard, f’kummenti ma’ Television Malta, Destiny spjegat x’inhu l-iskop tal-istil magħżul għall-kanzunetta “Je Me Casse” fuq il-palk ta’ Rotterdam.

“L-iskop tagħna kien li nkunu fuq stage 5 nisa li nuru s-saħħa sabiex nitrażmettu enerġija pożittiva u saħħa fuq l-istage.”

Għall-kuntrarju ta’ edizzjonijiet oħrajn tal-Eurovision, meta l-kantanti kienu jkunu mpenjati f’diversi attivitajiet mal-ammiraturi tagħhom, Destiny serrħet ras il-pubbliku li l-festival din is-sena huwa differenti minħabba li qed jirrispetta l-miżuri tal-Covid-19.

“Huwa importanti ħafna li nkunu safe, noqogħdu ġol-bubble tagħna u nibqgħu kemm jista’ jkun fil-lukanda.”

Fi żvilupp ieħor, sar magħruf li l-ambaxxatriċi Maltija rebħet l-OUTmusic Award imtella’ mill-OUTtv li sar fiċ-ċentru tal-midja f’Ahoy f’Rotterdam.

Destiny se tkanta fl-ewwel semifinali tal-Eurovision nhar it-Tlieta li ġej. Semifinali, li stqarret ma’ TVM qed tistennieha b’ħerqa liema bħalha.

“Issa I can’t wait to perform in my semifinal ovjament. Nixtieq ngħidilkom grazzi minn qalbi tas-sapport kontinwu li qed tagħtuni. Grazzi tal-messaġġi u grazzi talli emmintu u afdajtu fija. Napprezza u nħobbkom ħafna.”

L-impenn li jmiss għal Destiny issa huwa l-Ħadd għaċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċċjali tal-Eurovision, filwaqt li l-prova li jmiss, l-aħħar waħda qabel is-semifinali, se tkun nhar it-Tnejn tard bil-lejl.