Ambjent
Ġrieden jiġru qalb it-tfal fil-bandli tal-Gżira – il-Kunsill ħa azzjoni

Persuni li fl-aħħar ġimgħat żaru l-bandli tal-Gżira fi Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa nnutaw ġrieden imdaqqsa li bdew joħorġu jieklu fid-dawl tax-xemx bla biża’.

Persuna li ħadet ritratti ta’ wieħed minn dawn il-ġrieden u tellgħethom fuq il-midja soċjali, qalet li kienet irrapportat lil diversi awtoritajiet.

Kien hemm għadd ta’ persuni oħra li kkonfermaw li kienu raw dawn il-ġrieden, u li huma wkoll kienu rrapportaw il-preżenza tagħhom.

Mistoqsi minn TVM, is-Sindku tal-Gżira, Conard Borg Manche, qal li hekk kif madwar ġimagħtejn ilu l-Kunsill sar konxju ta’ din il-problema, qabbad kumpanija privata tal-‘pest control’ biex tindirizza s-sitwazzjoni.

Żied li f’dan il-ġnien minn żmien għal żmien ġieli ntlemaħ xi ġurdien, iżda għal xi raġuni mhux magħrufa, il-problema tidher li eskalat matul l-aħħar ġimgħat.