Storja
“Ground Zero ċimiterju li jibqa’ magħruf mad-dinja kollha” – qassis Malti li kien New York f’9/11

Il-ġurnata tal-lum, 20 sena ilu, waqqfet lid-dinja u sammritha biex tisma u tara t-traġedja li kienet qed isseħħ fi New York, Washington u Pennsylvania.

Għal Fr Julian Cassar il-ġrajjiet tal-11 ta’ Settembru sabuħ jagħmel il-ħidma pastorali tiegħu ftit minuti bogħod minn fejn it-torrijiet li darba iddominaw New York iġġarrfu għal kollox.

Il-11 ta’ Settembru jibqa’ ttimbrat f’moħħ ħafna li sal-lum jibqgħu jiftakru fejn kienu meta seħħew l-attakki li daħlu lid-dinja f’wieħed mill-iktar kapitli suwed tal-istorja riċenti.

Għal Father Julian Cassar, qassis Malti, din il-ġurnata tibqa’ minquxa f’moħħu. Kien iservi fil-parroċċa St Stanislaus Kostka fi New York.

“Dak il-ħin kont qed inqaddes … kelli quddiesa tad-disgħa … mbagħad mort fin-nursery tat-tfal … imbagħad mora fil-kamra u nara d-dawl fuq it-telefon ipetpet. Fl-istess ħin beda jċempel, qbadtu u nisma’ lil ommi minn Malta u qaltli ‘kif inti? fejn qiegħed?’. Għidtilha ‘jien kollox sew, x’ġara?’ Qaltli “mhux qed issegwi x’qed jiġri?’. Għidtilha ‘x’qed jiġri?’. U fil-fatt hi qaltli x’qed jiġri. Imbagħad xegħelt it-television u komplejt insegwi l-avvenimenti u t-traġedja kollha kif żvolġiet matul il-ġurnata”.

Minn dak il-ħin ‘il quddiem kienu ġranet mimlija telefonati b’karbiet ta’ min fittex il-konsolazzjoni u saħansitra għajnuna għall-qraba ta’ nies li tilfu ħajjithom u li hu kien jaf personalment

“Wara nofsinnhar imbagħad kien ċempilli missier wieħed mill-vittmi. Fil-fatt, probabbilment, kien l-ewwel vittma li miet għax kien jaħdem fl-83rd floor u l-ewwel ajruplan ikkraxxja fl-83rd floor. Kien għadu kif iżżewweġ sena qabel. Ovvjament bqajt ma missieru u ovvjament ppruvajt nikkonslahom l-aħjar milli nista’. Żagħżugħ ieħor, kont nafu, kien f’youth group f’parroċċa li kelli qabel … kellna nippreparaw għall-funeral tiegħu però qabel il-funeral naturalment matul il-ġurnata dakinhar ġew ikellmuna ħafna nies, filgħaxija għamilna servizz fil-knisja għamilna quddiesa. Waħda mill-parruċċani tagħna, li kienet tmexxi l-kant inqabdet fit-Twin Towers, irnexxielha toħroġ mimlija trab, waslet lura d-dar u bdiet tirrakkontalna x’ġara u ma ġarax”.

Fr Julian qal li ħeġġeġ lin-nies titlob u tibqa’ magħquda flok jimtlew b’rabja, mibgħeda u biżgħa.

Jiddeskrivi bħala wieħed mill-agħar mumenti ta’ ħajtu meta niżel fi Ground Zero tal-fdalijiet tat-Twin Towers.

“Ċimiterju li jibqa’ magħruf mad-dinja kollha … kienet ġurnata inkredibbli għal kulħadd … jiena mort Ground Zero diversi drabi … darba minnhom kien hemm tinda mal-gate u ktibt messaġġ bil-Malti ‘Il-bambin jiftakar fikom u l-Maltin jitolbu għalikom'”.

Illum Fr Julian Cassar iservi n-Naxxar imma l-esperjenza tal-11 ta’ Settembru tibqa’ miegħu għal dejjem u għallmitu iktar it-tifsira tal-fidi fit-talb u l-ħeġġa biex itaffi r-rabja u jnissel it-tama tal-għaqda.