Immigrazzjoni
Grupp ta’ immigranti jintbagħtu lura fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom

Grupp ta’ madwar ħamsin immigrant li waslu Malta bil-baħar fl-aħħar sentejn ntbagħtu lura fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom f’operazzjoni ta’ ritorn li saret mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija. L-operazzjoni tħallset minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Grupp ta’ barranin li waslu Malta bil-baħar fix-xhur li għaddew sebħu l-ajruport skortati minn uffiċċjali tal-Pulizija u l-Forzi Armati biex jitwasslu lura pajjiżhom.

Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali spjega li dawn l-immigranti kellhom it-talba tagħhom għal protezzjoni miċħuda mill-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali. Il-proċess għar-ritorn tagħhom beda kif ġie konfermat li dawn il-persuni ma jistħoqqilhomx protezzjoni u ma kienx hemm riskji għalihom kemm-il darba jiġu ritornati pajjizhom.

Il-Ministeru spjega li f’dawn iċ-ċirkustanzi, proċess ta’ ritorn mhux faċli speċjalment minħabba l-fatt li l-immigranti waslu mingħajr dokumenti ta’ identifikazzjoni. Il-Ministru Byron Camilleri qal li Malta minn dejjem kienet minn ta’ quddiem biex tħares lil min verament għandu bżonn , fl-istess waqt li tuża l-għodda kollha li tagħtiha l-liġi biex tirritorna lil dawk li jaslu hawnhekk u jinstab li ma jkun ħaqqhom ebda forma tya’ protezzjoni.

“Permezz ta’ din l-operazzjoni ta’ ritorn, pajjiżna qed jibgħat messaġġ li min ma jikkwalifikax għall-protezzjoni, għandu jintbagħat lura. Mhux proċess faċli, speċjalment f’pandemija, iżda bis-saħħa tal-impenn tal-Korp tal-Pulizija, tas-suldati tagħna u ta’ diversi oqsma oħra taħt il-Ministeru tal-Intern, illum grupp ta’ persuni qed jintbagħtu lura lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom.”

Dr Camilleri qal li għaddejja ħidma biex kif indikat fid-dikors tal-budget għal din is-sena titwaqqaf taqsima dedikata biex aktar persuni li ma ħaqqhomx jibqgħu Malta jiġu ritornati. L-immigranti twasslu pajjiżhom b’ajruplan tal-Air Malta. L-ispejjeż għal din l-operazzjoni tħallsu minn fondi tal-Unjoni Ewropea ddedikati għar-ritorn.