Lokali
Grupp ta’ studenti jaħdmu fuq pjanti ta’ ġnien iddedikat għal nies bid-dimensja

Grupp ta’ studenti tal-Arkitettura ħadmu fuq pjanti għal ġnien iddedikat għal nies bid-dimensja f’dar tal-Knisja għall-anzjani. Il-pjanti jaħsbu għal ġnien li se jkun l-ewwel tax-xorta tiegħu u li fih nies bid-dimensja jħossuhom siguri u f’ambjent rilassat.

L-istudenti tal-arkitettura ħadmu fuq diversi pjanti għal ġnien li hu maħsub l-iżjed għall-persuni bid-dimensja u li jgħixu ġo dar tal-anzjani. Il-proġett hu maħsub għal wahda minn ħamest idjar li tmexxi l-Knisja, Casa Leone f’San Ġiljan. Bħalissa din id-dar għandha 99 resident. Il-Manager Doris Aquilina, qalet li fl-aħħar xhur id-dar ħejjiet pjan għal taqsima għar-residenti bid-dimensja.

Doris Aquilina qalet “nista’ ngħid li dan il-proġett se jqumilna iktar minn tliet kwarti ta’ miljun jiġifieri sostanzjali ħafna bħala fondi.”

Il-Perit Alexia Mercieca spjegat li dan il-proġett tal-istudenti fl-ewwel sena tal-masters tal-Arkitettura jaħseb biex l-anzjani jkunu jistgħu jgawdu mill-ispazji miftuħa.

“Dawn id-djar tal-anzjani tal-Knisja huma ideali għal dat-tip ta’ proġett għax ħafna minnhom għandhom il-ġonna għax huma djar antiki allura kienu proġettati bil-ġonna li huwa iktar ideali għal kulħadd, speċjalment għan-nies bid-dimensja li għalihom li joħorġu barra, li jmissu man-natura, li jaraw is-siġar huwa importanti ħafna għall-ħajja tagħhom ta’ kuljum… Idealment jinsabu l-fondi biex dan it-tip ta’ proġett jiġi attwat li jkun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’dar tal-anzjani tal-Knisja u as such ikun l-ewwel ġnien speċifikament għan-nies bid-dimensja.”

Id-Dekan tal-Fakultà tal-Ambjent Mibni, il-Professur Alex Torpiano qal li hu importanti li l-istudenti tal-arkitettura jiġu wiċċ imb wiċċ mar-realitajiet bħad-dimensja biex joħolqu prġetti bħal dawn li jgħinnu lill-anzjani.

L-Isqof awżiljarju Monsinjur Joseph Galea Curmi qal li dawk li jbatu bid-dimensja jistħoqqilhom kull imħabba u rispett daqs kull bniedem ieħor. Faħħar il-mod li bih l-istudenti tal-arkitettura poġġew il-ħtiġijiet tal-anzjani bid-dimensja fiċ-ċentru tar-riċerka tagħhom. L-Isqof Galea Curmi awgura li dan ikun prinċipju li jmexxina fil-kura li tingħata lill-anzjani fis-soċjetà Maltija.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Waqt li hemm stennija għall-azzjonijiet li se jittieħdu mill-Gvern wara l-konsultazzjoni pubblika li saret fuq it-traffikar uman u l-prostituzzjoni, stħarriġ mill-programm INSIGHTS li jixxandar illejla fuq TVM, wera li l-prostituzzjoni…

Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li min qed jinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandu jkollu l-kuraġġ jasal sal-aħħar għax warajh se jsib l-appoġġ u d-difiża ta’…

Agrikultura

Skola fiż-żona “Taż-Żokrija” fil-Mosta li tifforma parti mill-Kulleġġ Maria Reġina għandha ċentru mnejn toffri lill-istudenti fl-aħħar tliet snin tas-sekondarja tagħlim fuq l-agrikoltura u t-trobbija tal-annimali. Mifrux fuq erbat elef u…

Aktar