Lokali
Grupp ta’ tfal “qed ikissru kulma jiġi quddiemhom” f’Raħal Ġdid

Is-Sindku ta’ Raħal Ġdid Domnic Grima talab lill-pulizija tinvestiga filmat ta’ grupp ta’ tfal li fi kliemu qegħdin iwettqu bosta atti vandali fil-lokalità.

F’post fuq Facebook huwa ppubblika bosta ritratti ta’ tfal li allegatament jidhru jwettqu dawn l-atti vandali bl-aħħar wieħed ikun it-tkissir ta’ girna fi ġnien li għadu kif ġie rriġenerat.

“Sfortunatament ili żmien twil niġbed l-attenzjoni lill-awtoritajiet fuq grup ta’ tfal żgħar li qed jagħmlu vandaliżmu kull fejn ikunu u r-risposta tkun, ‘għax għadhom tfal’”, qal Grima.

Huwa qal li fl-aħħar xhur dan il-grupp ta’ tfal qaċċat bosta sigar u xtieli, waddbu ġebel u kissru ħafna fanali, għamlu ħsarat fin-niexxiegħa tal-ilma, qalgħu pajpijiet tat-tisqija u ħallew l-ilma ħiereġ u issa kisru girna li hemm fl-istess ġnien. F’kelma waħda qal li qed ifarrku kollox.

Huwa sostna li ma jistax ikun li dawn it-tfal jitħallew jgħaddu minn ġnien għal ieħor billi jibqgħu jkissru kulma jsibu quddiemhom u għax tfal, qisu ma gara xejn.

“Ħafna nies qed jinzertawhom mhux biss fil-ġonna, imma anka fit-toroq”, qal Grima waqt li talab l-għajnuna tal-pubbliku biex jekk jinzertawhom jagħmlu xi ħsarat jirrapportawhom lill-Pulizija.

Huwa appella lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni fuq dawn il-każijiet għax sostna li ma jistax ikun li kollox jibqa’ għaddej.

Is-Sindku żied jgħid li llum stess għaddew il-filmati kollha lill-Pulizija biex tinvestiga dan il-vandaliżmu.

“Għalhekk huma min huma jekk hux Maltin jew barranin, hemm bżonn li l-ġenituri tagħhom ikunu responsabbli ta’ wliedhom, u ta’ dawn il-ħsarat li għamlu”, temm jgħid is-Sindku ta’ Raħal Ġdid.