Lokali
Ġuri Marsalforn: Xhud jgħid li stħajlu qed jara film

Hekk kif kompla l-ġuri ta’ Gerald Galea, ta’ 67 sena nstemgħet xhieda ta’ Joseph Asciak li stqarr li ra lill-akkużat isuq fuq il-vittma.

Galea qed ikun akkużat b’omiċidju volontarju ta’ John Spiteri ta’ 45 sena, li miet fil-Qbajjar, f’Marsalforn, fl-2013. Huwa qed ikun akkużat ukoll b’attentat ta’ omiċidju fil-konfront ta’ Matthew Spiteri, it-tifel tal-vittma, kif ukoll li kkaġuna eluf ta’ ewro fi ħsara lill-karozza li kien qed isuq li ma kinitx tiegħu.

Il-każ seħħ meta Spiteri u t-tifel kienu qed jiżbru xi siġar sabiex ikunu jistgħu jpoġġu gabbana fuq is-sit meta l-akkużat wasal fuq il-post bil-karozza u beda jargumenta magħhom. Allegatament wara tela’ fil-karozza u  saq mad-dawra tal-parkeġġ kemm-il darba qabel ma saq fuq John Spiteri.

F’xhieda oħra li kien ta’ Joseph Asciak kien qal li stħajlu qed jara film meta sema’ l-karozza u mar jittawwal mit-tieqa. Stqarr li kien ra raġel jiġri u jaqa’ mal-art u karozza ssuq fuqu. Kien qal li għajjat lil bintu li kienet infiermiera biex tassisti lill-vittma. Żied jgħid li xħin niżel kien żamm lill-akkużat xħin kien se jaħrab minn fuq il-post.

F’xhieda oħra min-naħa ta’ ħu l-akkużat instema’ li meta mar fuq il-post ma kienx għaraf lil ħuh għax wiċċu kellu marki blu u suwed. Huwa kien saħaq li ħuh mhux persuna vjolenti.

Intant l-espert forensiku Dr Mario Scerri xehed li minn analiżi li għamel, irriżulta li għalkemm il-karozza għaddiet minn fuq John Spiteri, din ma rifsitux.  Qal li John Spiteri kellu black eye fuq għajnu l-leminija u tbenġila fuq drigħu tal-lemin. Żied jgħid li fuq żaqqu kellu selħa kbira.

Mis-CT scan, Dr Scerri qal li ħareġ li kien hemm frattura fil-ġewża t’għonqu u fuq il-kustilji.

Dr Scerri qal li l-karozza għaddiet minn fuq il-vittma iżda ma rifsitux u qal li ma jirriżultax li l-vittma qalgħet daqqa frontali.

Qal li fuq Matthew Spiteri kien hemm brix fuq spalltu l-leminija, fuq żaqqu u kellu wkoll nefħa fuq idu l-leminija.  Żied jgħid li kkonkluda li l-ġrieħi fuqu ma kinux relatati mal-inċident għax kienu ilhom hemm aktar minn ġurnata.