Lokali
Ġuri traffikar ta’ eroina – il-pulizija jixhdu dwar x’ġara dakinhar tal-arrest tal-akkużat

Pulizija jirrakkonta kif kellu jitħabat biex iwaqqaf lill-allegat traffikant tad-droga milli jitfa’ t-trab tad-droga fit-triq.

L-uffiċċjal tal-Pulizija kien qed jixhed fit-tieni jum tal-ġuri li għaddej bħalissa fil-konfront ta’ Herman McKay ta’ 34 sena li qed ikun akkużat bil-pussess ta’ nofs kilogramma eroina meta ġie arrestat fil-Marsa fl-2007.  Id-droga ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Il-Pulizija qal li kien ma’ uffiċċjal ieħor fi Triq is-Serkin, il-Marsa, wara li kienu rċevew informazzjoni dwar xi każ ta’ droga li fih kien hemm involut McKay.  Meta waslu fuq il-post, huwa qal li ra lill-akkużat jarmi ċ-ċavetta tal-karozza li kienet ipparkjata ftit passi ‘l bogħod.

F’ħin minnhom, il-Pulizija qal li lemaħ lil McKay jiġbor minn ġol-karozza pakkett kannella b’żewġ boroż bi trab ta’ lewn kannella u malli nduna li kienu ndunaw bih il-Pulizija beda jxerred it-trab fit-triq.

Meta pprova jwaqqaf lill-akkużat milli jeqred l-evidenza, l-uffiċċjal tal-Pulizija qal li kellu jitħabat biex jikkonrolla lil McKay tant li f’ħin minnhom waqa’ lura mal-art u mtela bit-trab tad-droga.  Żied jgħid li kien f’dan il-ħin li ma rax iktar it-tieni borża li kellu l-akkużat.

Meta wieġeb dwar kif is-suspettat tħalla jagħmel dan kollu fil-preżenza ta’ żewġ Pulizija, l-uffiċċjal ammetta li wieħed jitgħallem mill-iżbalji tiegħu stess.

L-Imħallef Antonio Mizzi staqsa lill-Kuntistabbli tal-Pulizija jekk ħax ritratti tas-sit miksija bit-trab u l-uffiċċjal wieġeb li ma ħa ebda ritratti.  Żied jgħid ukoll li ma jafx jekk ittieħdux ritratti tal-karozza u tal-akkużat u l-Imħallef reġa’ staqsiet jekk kienx qed jgħid il-verità.

Iżda l-uffiċċjal wieġeb li huwa ċert 100% minn dak li qed jgħid.

L-ispettur li kien inkarigat mill-arrest ta’ McKay qal fil-Qorti li ma marx fuq ix-xena tar-reat biex jiġbor il-provi wara l-arrest.  Id-difiża staqsiet jekk hux normali li jsir dan, bl-ispettur wieġeb li mhux dejjem ikun hemm il-ħtieġa li dan isir.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li la ċ-ċavetta u lanqas il-karozza tal-akkużat ma nġiebu bħala evidenza dwar dan il-każ.  L-ispettur wieġeb ukoll li kien konxju li nstabu xi flus, filwaqt li lmenta kif ma setax jiftakar kollox hekk kif kienu għaddew iktar minn 11-il sena li seħħ il-każ.

Il-ġuri, li beda lbieraħ, mistenni jkompli għada.

Ara wkoll:

11-il sena wara jibda ġuri fuq traffikar ta’ nofs kilo eroina