Ġust li tarbija tiġi reġistrata fuq ġenitur wieħed?

Kemm hu ġust li tarbija titniżżel fuq isem ta’ ġenitur wieħed, speċjalment f’każijiet fejn l-omm tkun konxja minn min hu l-missier? Popolin stħarreġ il-benefiċċji soċjali marbuta ma’ trabi mniżżla fuq ġenituri wieħed, filwaqt li ddiskuta x’qed iwassal biex din il-prattika tiżdied.

Kirsten Ancilleri, mistiedna waqt il-programm tkellmet dwar il-fatt li meta omm tirreġistra isem ta’ persuna bħala missier it-tarbija, tkun qed toħloq lok ta’ problema loġistika fuq l-istess tarbija, dan għaliex jekk per eżempju tkun tixtieq issiefer it-tarbija jew anke tirreġistraha f’xi childcare centre ikollha bżonn il-kunsens u l-firma tal-missier. Ancilleri spjegat li dan il-fatt qed iwassal biex iktar ommijiet jagħżlu li jniżżlu t-trabi tagħhom bħala ‘unknown father’ biex apparti li jieħdu benefiċċju finanzjarju aħjar, jnaqqsu mill-problemi loġistiċi li jistgħu jinħolqu fil-futur; “jien kontra l-abbuż definittivament, biss żgur li mhux kullħadd jabbuża”.

Żiedet tgħid li jeżistu diversi każijiet ġenwini u li ħafna minn dawn l-ommijiet ikollhom il-problema li missier it-tarbija ma jkunx irid iħallas manteniment, għalhekk ma jkunux iridu jidħlu fi problemi ta’ loġistika żejda.