Qorti
Ġuvni ħati li ħebb għal ieħor fi stabbiliment f’Paceville

Ġuvni kien ikkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati li ħebb għal ieħor wara argument li nqala’ hekk kif grupp ta’ ġuvintur ittantaw lit-tfajla tal-vittma.

Neil Falzon kien mixli li fil-11 ta’ Ottubru 2015, għall-ħabta tad-8.40 p.m. fi stabbiliment f’Paceville, ikkaġuna feriti gravi lil David Vella.

Il-vittma xehed li huwa kien fl-istabbiliment mat-tfajla tiegħu Joy McKay meta daħlu Falzon, Luke Bugeja u Darren Sciberras li ttantawlu lit-tfajla u bdew joffenduha.

Vella qal li x’ħin kien ħiereġ mill-istabbiliment Falzon tah daqqa ta’ ponn f’għajnejh u f’ħalqu mbagħad mar l-għassa u l-Isptar Mater Dei fejn sarulu xi punti.

McKay xehdet li x’ħin hija u l-għarus tagħha ġew biex joħorġu Bugeja taha daqqa ta’ ponn ġo ħalqha u x’ħin kienu ħerġin rat lil Falzon jagħti daqqa ta’ ponn lill-għarus.

Sciberras xehed li huwa ra lil Vella mal-art u lil McKay tgħinu u ċaħad li l-argument inqala’ għax kien hemm min iżomm mal-Belt u min mal-Hibs.

Falzon qal li hu ma kien involut fl-ebda ġlieda u sostna li l-Pulizija setgħu ħawduh ma’ ħabib tiegħu li bħalu kien liebes qmis roża.

Ħbieb oħra tal-akkużat li xehdu wkoll qalu li ma rawhx jagħti daqqiet lil Vella.

Wara li semgħet il-provi mressqa quddiemha, il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo qalet li għalkemm l-akkużat ċaħad li kien hu l-aggressur il-vittma lilu identifika.

Hija ddeskriviet il-verżjoni ta’ Vella bħala iktar kredibbli u kienet korroborata minn dik tat-tfajla tiegħu.

Waqt li għalhekk sabet lil Falzon ħati li ħebb għal Vella, il-Maġistrat Farrugia Frendo ikkundannatu 18-il xahar ħabs li jidħlu fis-seħħ jekk jikkommetti reat ieħor fit-tliet snin li ġejjin.