Qorti
Ġuvni ħati li ħebb għal raġel f’argument waqt is-sewqan

Żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Fgura kien ikkundannat 26 xahar ħabs wara li nstab ħati li ħebb għal raġel wara argument li nqala’ waqt li t-tnejn kienu qed isuqu.

Brandon Lee Psaila kien mixli li fit-8 ta’ Marzu 2019, għall-ħabta tal-10.15 a.m. fi Triq Aldo Moro fil-Marsa, ħebb għal Walid Jadalla Mohamed Abo Assaf u kkaġunalu ġrieħi ħfief.

Huwa ġie akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika, li kkommetta reat waqt ordni ta’ probation u li kiser sentenza sospiża fejn kien ikkundannat 24 xahar ħabs.

Psaila, li dak il-ħin kien għaddej mat-tfajla tiegħu, insista li huwa waqaf biex jara jekk kienux ħabtu meta r-raġel, li kien ma’ martu, ħebb għalih b’ħadida u mbuttah biex jiddefendi lilu nnifsu.

Min-naħa tiegħu Assaf sostna li huwa waqqaf il-karozza fil-ġenb wara li ra lill-akkużat irrabjat għax indaqq xi ħorn u meta kien qed jispjegalu li ma kienx hu l-ġuvni ħebb għalih.

Psaila kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati u minbarra xahrejn ħabs daħlu fis-seħħ ukoll l-24 xahar ħabs sospiżi għal total ta’ 26 xahar priġunerija.

Huwa appella madankollu l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ċaħditlu l-appell fejn sostniet li l-aġir tiegħu ma kienx każ ta’ difiża u anke rrimarkat li kien l-intervent tat-tfajla tiegħu li evita “riżultat aktar diżastruż” f’dan l-inċident.

L-istess imħallef innutat li minkejja li għad għandu 23 sena Psaila diġà nstab ħati ta’ diversi reati fosthom numru ta’ serqiet, arrest illegali, li kellu oġġetti misruqa u li kkaġuna biża’ lil mara.

Hija rat ukoll ir-rapport tal-uffiċjal tal-probation fejn jirriżulta li kien ilu mindu kellu 15-il sena juża l-kannabis u rrimarkat li minkejja li kellu sentenza ta’ priġunerija mdendla fuq rasu xorta baqa’ jwebbes rasu u jibqa’ jieħu d-droga.

L-Imħallef Scerri Herrera talbet lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex matul il-perjodu tal-priġunerija jgħinu jindirizza t-trawmi li għadda f’ħajtu.