Qorti
Ġuvni ħati li seraq tliet armi tan-nar minn razzett f’Ħal Far

Ġuvni ta’ 21 sena tpoġġa fuq ordni ta’ probation għal 3 snin wara li nstab ħati li seraq tliet armi tan-nar minn razzett f’Ħal Far, fil-limiti ta’ Birżebbuġa.

Il-każ seħħ fi Frar tal-2017, meta Jide Mallia mar flimkien ma’ ġuvni ieħor u żewġ tfajliet fir-razzett li jappartjeni lill-membri tal-familja ta’ waħda mit-tfajliet.

Is-sidien tar-razzett irrapportaw li sabu nieqsa żewġ snieter tal-marka Bennelli u tal-marka Luigi Franchi, kif ukoll air rifle. Wieħed mis-sidien qal li Mallia kien jaf fejn qegħdin l-armi, u anki ġieli żammhom f’idejh, hekk kif xi żmien qabel kien mistieden fir-razzett min-neputija tiegħu.

Fl-istqarrija li ta lill-Pulizija Mallia ċaħad li daħal minn tieqa biex jisraq l-armi, u dwar il-fatt li nstabu l-marki tas-swaba’ tiegħu fuq it-tieqa, qal li dan seta’ seħħ meta kien se jaqa’ u serraħ magħha.

Madanakollu l-Qorti m’emmnitx din il-verżjoni, għaliex qalet li biex ipoġġi jdejh man-naħa ta’ barra tat-tieqa, Mallia kellu jitla’ fuq bank.

Il-Qorti kkunsidrat ukoll ix-xhieda ta’ waħda mit-tfajliet u tal-ġuvni l-ieħor li kien miegħu, li taw deskrizzjoni ta’ dak li seħħ dakinhar. Filwaqt li t-tfajla qalet li ż-żewġ ġuvintur kienu telqu minn ħdejhom għal xi ħin, il-ġuvni l-ieħor, Sven Woodhead, qal li Mallia talbu joqgħod għassa għat-tfajliet sakemm jidħol minn tieqa biex jieħu xi snieter.

Woodhead qal li kien għen lil Mallia joħroġ it-tliet armi mit-tieqa għaliex ma setax jaqbeż bihom, imbagħad dawn ħbewhom fil-ħaxix. Qal li wara li wasslu lit-tfajliet id-dar regħu marru u ġabru s-snieter, u l-għada Mallia kien tah €100 bħala sehmu mis-serqa.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello, sabet lil Mallia ħati abbażi x-xhieda taż-żewġ żgħażagħ u l-marki tas-swaba’. Fid-deċiżjoni dwar il-piena, il-Qorti qieset li Mallia kien diġà nstab ħati ta’ żewġ reati oħra, li iżda twettqu f’età bikrija.

Qieset ukoll ir-rapport tal-uffiċjali tal-probation, li rrakkomanda li Mallia jingħata l-għajnuna biex iżomm ‘il bogħod mill-vizzji u l-kriminalità u jsaħħaħ il-valuri li għandu, fosthom tal-bżulija f’xogħlu.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mario Xiberras, waqt li għad-difiża dehru l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.