Qorti
Ġuvni jammetti li ħebb għal infermier u għamel ħsara f’ambulanza ta’ Mater Dei

Ġuvni ta’ 19-il sena ammetta quddiem il-Qorti li hedded jew ħebb għal infermier meta dan kien qed jaqdi dmiru.

Abdalla Yayha mis-Sudan, li jgħix fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far, kien mixli wkoll li nhar l-20 ta’ Lulju li għadda għamel ħsara f’ambulanza tal-isptar Mater Dei, li kiser il-paċi pubblika, u li kien fis-sakra.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, qieset in-natura tar-reati, iżda wkoll il-fatt li kkopera mal-Pulizija, li ammetta fl-iktar stadju bikri u li għandu kondotta nadifa.

Huwa kien għalhekk illiberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat fi żmien sentejn, u li fi tliet xhur iħallas €500 f’danni fuq l-ambulanza lil Mater Dei.