Lokali
AĠĠORNAT (1): Ġuvni jinstab mejjet fil-baħar f’Delimara

Dalgħodu nstab katavru ta’ ġuvni fil-baħar fil-bajja ta’ St Peters Pool f’Delimara.

Il-Pulizija qalet lil TVM li għall-ħabta tas-7.20 tal-bieraħ filgħaxija daħlilha rapport li Spanjol ta’ 17-il sena kien għeb fl-inħawi ta’ Delimara.

TVM infurmat li l-ġuvni kien qed jgħum ma’ sħabu, meta ħin bla waqt innutaw li ma kienx qiegħed ħdejhom. Minkejja li bdew ifittxuh, baqgħu ma sabuhx, u kien għalhekk li ċemplu għall-għajnuna.

It-tfittxijiet għall-ġuvni bdew ilbieraħ filgħaxija mill-Pulizija, il-Protezzjoni Ċivili u l-Forzi Armati, iżda kellhom jieqfu tard billejl minħabba d-dlam.

Hekk kif dalgħodu ssoktaw it-tfittxijiet, għall-ħabta tat-8.00am l-għaddasa tal-AFM sabu katavru mwaħħal mal-blat f’qiegħ il-baħar, li qed ikun issusspettat li huwa tal-ġuvni li għeb ilbieraħ. Il-katavru ttella’ iktar tard mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili.

Fil-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.