Qorti
Ġuvni jinżamm arrestat fuq akkużi li kellu x’jaqsam ma’ tifla ta’ 13-il sena

Ġuvni ta’ 18–il sena mill-Għargħur li jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà tressaq il-Qorti akkużat li kkorrompa minuri u li kellu x’jaqsam sesswalment magħha. Huwa kien akkużat ukoll li uża tagħmir elettroniku biex jiltaqa’ ma’ minuri bil-ħsieb li jwettaq reat u li kellu ritratt tal-minuri.

L-uffiċjal prosekutur l-Ispettur Roxanne Tabone qalet li daħal rapport fl-għassa ta’ Birkirkara minn sinjura li qalet li sabet il-mobile ta’ bintha ta’ 13-il sena u fih kien hemm konversazzjoni mal-akkużat li minnha kien jidher li kien hemm relazzjoni sesswali. L-Ispettur qalet li meta kellmu t-tifla qalet li ltaqgħu xi erba’ darbiet u li hi ma kienet taf tagħmel xejn u l-akkużat għallimha kollox. Hu beda jheddidha li jekk ma tagħmilx li jgħidilha kien se jxerred ir-ritratti li ħadilha qabel.

Permezz tal-avukat difensur Dr Alfred Abela, l-akkużat wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-biża ta’ ntralċ tal-provi.

Id-difiża qalet li l-provi li jinkludu l-mobiles u c-chats qegħdin kollha għand il-pulizija. Dr Abela qal li dan huwa każ ta’ tifel ta’ 18-il sena li sa fejn jaf hu kien qed jitkellem ma’ tifla ta’ 17-il sena iżda rriżulta li għandha biss 13-il sena.

L-Ispettur Roxanne Tabone qalet li l-akkużat kien jaf kemm għandha żmien u filfatt kellhom x’jaqsmu flimkien. Qalet li l-akkużat jaħdem Mater Dei, ħames minuti ‘l bogħod mid-dar tal-minuri u kien imur ikollu x’jaqsam magħha fil-break. Qalet li barra minnhekk, iċ-chat huma fuq is-social media u li għalihom jista’jkollu aċċess minn kull mobile, tablet jew kompjuter.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, wara li kkunsidrat in-natura tar-reat u l-possibilita ta’ ntralċ tal-provi, ċaħdet it-talbet għall-ħelsien mill-arrest.

Id-difiża talbet lill-Qorti biex l-imputat jinżamm fil-faċilità YOURS u l-Qorti laqgħet it-talba. Il-Qorti ordnat ukoll divjet fuq l-ismijiet.

Dr Lara Dimitrijevic dehret għal minuri u l-familja tagħha.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Wara li l-Ministeru għamel konsultazzjoni pubblika fuq l-uniformi tal-iskola mal-istudenti, l-għalliema u l-ġenituri, l-għażla tal-maġġoranza fost kull grupp kienet favur li l-uniformi tkun tracksuit komda u ta’ kwalità, inklużi poloshirt,…

Lokali

Pierre Portelli dar għall-mezzi soċjali u kiteb li l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Karol Aquilina akkumpanja lil Manuel Delia l-Qorti fil-każ li għandu kontra l-midja tal-Partit Nazzjonalista. Dalgħodu fil-qorti kompliet il-kawża li…

Infrastruttura

Il-Kamra tal-Periti f’reazzjoni inizjali għal proposti għar-regoli l-ġodda dwar it-twaqqigħ u l-iskavar qalet li dawn mhumiex aċċettabbli u infurmat lil Periti bil-pożizzjoni tagħha biex tittieħed deċiżjoni dwarhom f’laqgħa ġenerali straordinarja…

Saħħa

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne inawgura s-Sala San Ġorġ Preca, waħda mill-ewwel swali li ġiet irranġata bħala parti mill-istrateġija ta’ għaxar snin għas-saħħa mentali. Minn għada din…

Aktar